Il-Federazzjoni Kaċċaturi Nassaba Konservazzjonisti ressqet il-proposti tagħha għall-istaġun tar-rebbiegħa 2024 bħala parti mid-diskussjoni tal-laqgħa li jmiss tal-Kumitat Ornis fejn matulha se jiġi deċiż jekk jiġux rakkomandati lill-Ministru responsabbli.
L-FKNK qed tissuġġerixxi li jiġu applikati derogi biex ikun permessibbli li ssir il-kaċċa tradizzjonali għall-gamiem u s-summien matul dan ix-xahar t’April u biex issir riċerka rigward il-passa tal-gamiem permezz tal-insib tradizzjonali fl-istess perjodu.
Fi stqarrija, l-FKNK qalet li fid-dokument ippreżentat tniżżlu fid-dettall dawn il-proposti, sostnuti wkoll bir-riżultati pożittivi dwar is-sostenibilità tal-kaċċa tal-gamiem f’Malta li ħarġu mis-surveys li organizzat fl-istaġuni tal-kaċċa tal-gamiem f’Settembru tal-2021 u tal-2022 u permezz tal-istudju xjentifiku li għamlet fl-istaġuni tal-kaċċa tal-gamiem f’April 2022 u 2023.