Hekk kif is-‘Citizen Science Finch Research Programme’ tal-Gvern Malti, li daħal fil-ħames sena konsekuttiva tiegħu, bl-implimentazzjoni ta’ deroga, juri l-impenn fir-rikonċiljazzjoni tal-isforzi għall-konservazzjoni u t-tradizzjonijiet soċjokulturali, il-Federazzjoni Kaċċaturi Nassaba u Konservazzjonisti, l-FKNK, qalet li, min-naħa l-oħra, il-BirdLife Malta qed iddgħajjef dawn l-isforzi billi tirrifjuta li taqdi l-obbligi tagħha bħala r-rappreżentanta lokali tal-EURING jew il-‘European Bird-Ringing Scheme’.
F’messaġġ li tella’ fuq il-midja soċjali l-President tal-FKNK, Lucas Micallef, jingħad li r-rifjut tal-Birdlife li tonora kuntratt ta’ servizz, flimkien mal-oppożizzjoni tagħha għall-ħruġ ta’ liċenzja għar-ringing tal-għasafar lil bird ringer Irlandiż bl-esperjenza, liċenzjat u maħtur mill-Gvern, juri livell ta’ nuqqas li ma jistax jiġi injorat.
Hu fakkar li s-sistema tal-bird ringing tal-Birdlife, li jista’ jsir f’kull ħin tal-ġurnata u kullimkien, inkluż f’santwarji tal-għasafar, il-qabda medja annwali hi biss ta’ disa’ għasafar tal-għana fuq medda ta’ 44 sena. Min-naħa l-oħra, in-nassaba Maltin u Għawdxin, b’regolamenti stretti u restrittivi, irnexxielhom jaqbdu medja ta’ 1,137 għasfur tal-għana fuq medda ta’ sentejn.
Micallef spjega kif dawn l-għasafar tal-għana jinħelsu mill-ewwel lura fis-selvaġġ wara li jiġu ċċekkjati għal ċrieket xjentifiċi, b’din id-dejta min-nassaba tenfasizza l-effiċjenza tal-programm u l-kontribut għal riċerka siewja, kontra dik tal-Birdlife.
Qal kif, għalhekk, biex jitwessa’ l-iskop xjentifiku tal-programm, l-FKNK fittxet koperazzjoni internazzjonali bl-ingaġġar tal-bird ringer kwalifikat, Declan Coney, biex japplika ċrieket xjentifiċi għal dawk li ma kellhomx fil-ħin tal-qbid.
Minkejja dan, il-Birdlife għażlet li ma tiħux sehem f’dan il-programm, anke jekk f’laqgħat tal-kumitat ORNIS qablet li tforni ċ-ċrieket xjentifiċi kodifikati b’mod uniku kif meħtieġ.
Min-naħa l-oħra, il-BirdLife, permezz tal-Kap Eżekuttiv Mark Sultana, qalet li t-talba għal 600 ċurkett ma ntlaqgħetx, għax iridu jkunu ċerti li l-persuna hi ġenwina u kwalifikata.
Qal ukoll li l-BirdLife mhux se tkun kompliċi f’dik li ddeskriviet bħala illegalità u ingann bl-intenzjoni li, wara d-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, il-prassi b’xi mod tidher li hi xjentifika u, għalhekk, qed tagħmel l-almu tagħha biex il-Kummissjoni Ewropea tieħu azzjoni mmedjata.