Kif seħħ fl-aħħar sentejn, stħarriġ mill-Federazzjoni Kaċċaturi Nassaba Konservazzjoni, l-FKNK, wera li l-istaġun tal-kaċċa tal-gamiem għadu wieħed sostenibbli f’pajjiżna wara li stħarriġ fost il-membri tagħha wera li maġġoranza assoluta tat-tajr disponibbli ma tteħidx mill-kaċċaturi.
Matul l-istaġun tar-rebbiegħa, li għadu kemm għadda, l-FKNK għamlet eżerċizzju ieħor biex ikollha rendikont dwar in-numru ta’ gamiem osservat, in-numru ta’ opportunitajiet ta’ qbid u l-għadd ta’ din it-tip ta’ tajra li fil-fatt inqabad.
Ir-riżultat għal din is-sena kien inqas minn 1,400 gamiema fl-istaġun, li jfisser 0.34 gamiema għal kull kaċċatur irreġistrat. Stqarrija tal-FKNK, qalet li l-eżerċizzju reġa’ indika sostenibbiltà hekk kif 66% tal-gamiem, li ġie disponibbli għall-qbid, baqa’ ma tteħidx mill-kaċċaturi.