Fi stqarrija l-Federazzjoni Kaċċaturi Nassaba Konservazzjonisti (FKNK) qalet li fl-aħħar laqgħa tal-Kumitat Ornis, il-Kumitat ivvota biex ċertu deċiżjonijiet ikunu rakkomandati għall-leġislazzjoni lis-Segretarju Parlamentari tal-Agrikultura u Sajd.
Fostshom hemm proposta mressqa mill-FKNK biex jinfetaħ staġun tal-kaċċa għas-summien fir-rebbiegħa, li 2017 ġiet milquha mill-Kumitat.
L-FKNK ipproponiet li dan l-istaġun ikun ta’ tlett ġimgħat f’April, kif stipulat fil-preżent fil-Legislazzjoni Qafas relattiva, iżda din ma ġietx milquha mill-Kumitat, u minflok ġiet milquha proposta taċ-Ċermen tal-Kumitat li l-istaġun ta’ tlett ġimgħat għandu jibda mill-25 ta’ Marzu.
Il-proposta tal-FKNK li l-limitu tal-qbid ta’ kull kaċċatur ta’ ġurnata tiżdied minn żewġ summiniet għall-ħamsa, u li l-limitu tal-qbid ta’ kull kaċċatur matul l-istaġun jiżdied minn erba summiniet għall-għaxra ġiet milquha mill-Kumitat.
Ma ġietx milquha l-proposta li jiżdied il-limitu tal-qbid nazzjonali tas-summien tul l-istaġun, li hu ta’ ħamest elef.