Il-Federazzjoni Kaċċaturi Nassaba Konservazzjonisti, l-FKNK ippreżentat lill-Ministru għal Għawdex, Clint Camilleri, numru ta’ proposti biex jinfetaħ staġun għall-kaċċa tal-Gamiem fir-rebbiegħa tal-2025 u biex ikun permess il-qbid tagħhom bl-użu tax-xbiek tradizzjonali bħala parti minn proġett ta’ riċerka xjentifika. Il-perjodu mitlub huwa bejn l-21 ta’ April u l-4 ta’ Mejju, b’limitu ta’ 1500 għasfur.
Minkejja t-telfiet legali ripetuti li sofriet f’Qorti Ewropea, referendum u mandati ta’ inibizzjoni bejn l-2009 u l-2024, BirdLife Malta ppreżentat mandat ieħor biex timblokka d-diskussjoni dwar il-ftuħ tal-istaġun. L-FKNK kkritikat din il-mossa u ressqet il-proposti tagħha direttament lill-Ministru, li fih għandha fiduċja sħiħa, peress li d-deċiżjoni finali tinsab f’idejh.
“Illum, l-istess Birdlife Malta mhux qed tirispetta l-isfera demokratika li suppost dan il-pajjiż hu mibni kostituzzjonalment fuq id-demokrazija biex dan is-suġġett jiġi diskuss fil-kumitat kompost mill-liġi li l-att jissejjaħ l-kumitat Ornis. Permezz ta’ dawn il-proposti, aħna, qed nuru li fl-aħħar mill-aħħar, il-proposti, jekk ħaddieħor ma riedx jirrispetta l-isfera demokratika, l-mekkaniżmu demokratiku, aħna ħa nibqgħu għaddejjin u żgur li ħa nibqgħu nkun ta’ tarka għall-membri tagħna.”
Il-President tal-FKNK, Lucas Micallef