Mill-jum tal-Erbgħa fetaħ l-istaġun tal-insib tal-malvizz kif ukoll fuq seba’ speċi t’għasafar tal-għana bi skop ta’ riċerka.
Imbagħad mill-bidu ta’ Novembru se jiftaħ l-istaġun tal-insib għall-pluviera.
Fi stqarrija l-Gvern qal li l-istaġun għall-insib għall-għasafar imsemmija fetaħ wara li kkunsidra r-rakkomandazzjonijiet tal-Kumitat Ornis.
Fil-każ tal-insib għall-malvizz u l-pluviera, il-Gvern applika deroga filwaqt li fil-każ tal-ispeċi tal-għasafar tal-għana bi skop ta’ riċerka, il-Gvern mexa fuq il-prerogattiva tiegħu kif intqal mill-Ornis.
Dan fl-isfond ta’ każ legali li wasal fi stadju ta’ opinjoni raġunata, fejn il-Gvern, wara laqgħa li saret mal-Kummissjoni Ewropea, ħejja qafas regolatorju ġdid li jindirizza l-maġġoranza assoluta tal-kritika tal-istess Kummissjoni kontra dan il-proġett.
Din is-sena, kull min se jipparteċipa fil-proġett ta’ riċerka fuq l-għasafar tal-għana se jkun obbligat fost oħrajn jirrapporta kull għasfur tal-għana maqbud u immedjatament malli jħarrabhom lura fis-selvaġġ irid ukoll iċempel u mħeġġeġ jiġbed filmat.
F’każ li n-nassab jaqbad għasfur tal-għana b’ċurkett xjentifiku, huwa obbligat ukoll jikteb id-dettalji kollha fil-formola taċ-ċrieket.
Dawn l-obbligazzjonijiet huma wkoll simili għal dawk li jonsbu għall-malvizz u l-pluviera.
Il-kwota nazzjonali għall-malvizz hija ta’ ħamest elef filwaqt li għall-pluviera hija ta’ seba’ mija.
Filwaqt li l-insib għall-malvizz huwa sal-aħħar tas-sena, għall-pluviera, l-istaġun jagħlaq fl-10 ta’ Jannar li ġej.
Fi stqarrija, il-Federazzjoni Kaċċaturi Nassaba Konservazzjonisti nnutat li l-argumenti li ressqet fil-Kumitat Ornis rigward ir-riċerka għall-għasafar tal-għana ġew ikkunsidrati favorevolment mill-Ministru Clint Camilleri.
L-FKNK spjegat li kienet konxja mill-pressjoni negattiva li saret mill-Kummissjoni Ewropea biex ir-riċerka ma ssirx u f’isem l-eluf tan-nassaba membri tagħha, l-FKNK irringrazzjat lill-Gvern, b’mod partikolari lill-Ministru Camilleri.