Il-Federazzjoni Kaċċaturi Nassaba Konservazzjonisti (FKNK) qalet, fi stqarrija, li Birdlife Malta qed tagħmel ħsara lir-reputazzjoni ta’ Malta permezz ta’ gideb quddiem il-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja.
Dan wara li l-Birdlife, fl-aħħar jiem, issottomettiet rapport lill-istess Qorti fejn qalet li, matul dawn l-aħħar snin, id-deroga dwar l-insib tal-għasafar tal-għana għal skop ta’ riċerka bein Ottubru u Diċembru li għaddew, instigat aktar kummerċ illegali, b’eluf minn dawn l-għasafar jiddaħħlu Malta bil-kuntrabandu minn Sqallija biex jintużaw għat-taħrik.
L-FKNK qalet li l-Birdlife assumiet u stmat li, matul il-perjodu tad-deroga inkwistjoni, il-parteċipanti tar-riċerka qabdu mill-inqas 51,400 għasfur tal-għana bix-xbiek u li, skontha, l-ebda wieħed ma ġie rilaxxat lura fis-selvaġġ, iżda ttieħdu illegalment id-dar mill-parteċipanti tar-riċerka.
L-FKNK fakkret li din hi l-istess għaqda li, ftit tas-snin biss ilu, iddikjarat li l-istess parteċipanti qabdu u żammew għandhom ’il fuq minn 3,000,000 għasfru tal-għana.
Il-Federazzjoni qalet li għandha fiduċja sħiħa fl-għerf tal-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja u se tisfida b’mod miftuħ dawn il-fabbrikazzjonijiet ippreżentati minn BirdLife Malta.