Fi sfond ta’ sitwazzjoni bla preċedent fl-istorja, ninsabu lejlet staġun għall-kaċċa tas-summien hekk kif ġie rrakkommandat mill-Kumitat Ornis lill-Gvern. Għalhekk, il-Federazzjoni Kaċċaturi Nassaba Konservazzjonisti (FKNK) qegħda tappella lill-Membri kaċċaturi, sabiex, mingħajr ebda kompromess, josservaw strettament u rigorosament kull regolament u twissija li diġà ħarġet u tista toħroġ l-Awtorità tas-Saħħa. Hawn qegħdin nitkelmu fuq is-saħħa u l-ħajja ta’ kull wieħed u waħda minnha, dik tal-familji tagħna, tal-ħbieb tagħna u taċ-ċittadini Maltin u Għawdxin kollha fis-soċjetà tal-gżejjer Maltin.
Din is-sena, minbarra il-kritika tas-soltu minn entatijiet li huma pubblikament dikarati kontra l-kaċċa, għandna wkoll sitwazzjoni ta’ serjetà kbira li taffettwa l-gżejjer tagħna kollha, il-pandemija tal-Coronavirus. Għaldaqstant, il-kaċċaturi li huma eliġibbli għal-liċenzja speċjali, jridu mhux biss josservaw kompletament il-liġijiet u regolamenti marbuta mal-prattika tal-kaċċa, iżda wkoll dawk maħruġa mill-Awtorità tas-Saħħa. Biżejjed diġa hawn il-kritika tas-soltu mill-istess nies li ma’ jaqblux mall-kaċċa, u issa dawn qegħdin jużaw il-pandemija sabiex ipoġġu lill-kaċċatur f’dell ikraħ mal-bqija tal-pajjiż. Mela, r-risponsabbiltà fuq min ser joħroġ għall-kaċċa hija hafna ikbar minn normal. Bħala fraternità, aħna ma nistgħux niġu meqjusa li qegħdin b’xi mod inżidu l-pressjoni fuq l-awtoratijiet f’dan iż-żmien hekk delikat.
Il-FKNK trid ukoll tagħmel l-appell dirett lil dawk il-Membri tagħha li beħsiebhom joħroġ għall-kaċċa sabiex fuq kollox josservaw strettament ir-regolamenti tad-deroga. Kwalunkwe illegalità mhux tollerata, u kull min jixtieq li nibqgħu ngawdu l-ftit li fadlilna, jrid ikun hu stess il-pulizija u jaħdem bis-sħiħ sabiex jissalvagwardja li għandna u ma jħallix lil ħaddieħor ikissru. Hemm limitu kemm il-FKNK tista’ tibqa’ tissielet filwaqt li jibqgħu persuni li sfaċċatament jagħtu l-għodda lil ta’ kontrina bl-illegalitajiet li jwettqu. Il-kaċċatur ġenwin li jobdi l-ligijiet ma jistax jibqa’ jiġi rikattat minn dawn in-nies li ħlief ħsara ma jagħmlux.
Xi kompromess, fil-kaċċa jew fis-saħħa, li żgur ikollu konsegwenzi drastiċi, ma’ jista’ qatt jiġi aċċettat.
Aqra wkoll:
https://www.one.com.mt/2020/04/05/anzjani-li-ghandhom-iktar-minn-65-sena-u-nies-vulnerabbli-ma-jistghux-imorru-ghall-kacca/