Il-Federazzjoni Kaċċaturi Nassaba u Konservazzjonisti, l-FKNK laqgħet b’sodisfazzjon ir-rieda politika tal-Prim Ministru Robert Abela u l-Gvern immexxi minnu biex jiddefendi l-pożizzjoni ta’ Malta rigward id-deroga applikata għall-ftuħ tal-istaġun tal-insib bi skop ta’ riċerka.
Dan qalitu fi sfond li l-Kummissjoni Ewropea mistennija tieħu azzjoni dwar il-ftuħ tal-istaġun tal-insib għal skop ta’ riċerka.
Skont l-FKNK, il-mossa tal-Kummissjoni Ewropea hija instigata mill-BirdLife Malta u l-grupp mill-Ġermanja l-CABS.
L-FKNK qalet li dawn l-għaqdiet imsemmija għadhom mhux jaċċettaw is-suċċess ta’ din ir-riċerka għaliex sempliċiment qed issir min-nassaba.
Il-Federazzjoni saħqet li din ir-riċerka hija kkundizzjonata b’ħafna restrizzjonijiet, għall-kuntrarju tal-privileġġi li jgawdu madwar 20 ‘bird-ringer’ tal-BirdLife fir-riċerka simili li jagħmlu bl-istess mezzi.
L-FKNK aċċennat ukoll għall-fatt li l-Prim Ministru fid-diskors tiegħu waqt is-summit tal-COP26 semma r-riċerka tan-nassaba bħala eżempju tal-interess li l-pubbliku għandu fl-ambjent naturali.
Il-Federazzjoni sostniet li hija se tkun qed toffri lill-Gvern, l-għajnuna esperta, teknika u legali li għandha għad-dispożizzjoni tagħha, kemm fuq bażi lokali u anke Ewropea.
Saħqet li Malta, bħal kull stat membru ieħor, għandha dritt tapplika deroga mid-Direttiva tal-għasafar.