Il-Partit Laburista u l-Federazzjoni Kaċċaturi Nassaba Konservazzjonisti ltaqgħu u qablu li l-Gvern Laburista żamm mal-punti maqbula bejn iż-żewġ naħat fl-2013.
Jekk il-Partit Laburista jerġa jingħata l-fiduċja tal-poplu biex ikompli jmexxi l-pajjiż, se jkompli jkun hemm spirtu ta’ kollaborazzjoni kif ukoll implimentazzjoni tar-regolamenti.
Gvern ġdid se jagħmel dak kollu possibli biex in segwitu għall-moratorju fuq il-kaċċa tal-Gamiema fir-rebbiegħa, Malta tkun f’ pożizzjoni li terġa tapplika d-deroga biex jinfetaħ l-istaġun mill-aktar fis possibli skond ir-regoli.
Fir-rigward tal-insib tal-għasafar tal-għana fil-ħarifa, Gvern ġdid ser ikompli jagħmel minn kollox biex din it-tradizzjoni tibqa tiġġedded b’rispett lejn id-deċiżjoni li hemm pendenti quddiem il-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja. Il-Partit Laburista wkoll jesplora possibilitajiet u alternattivi oħra jekk din id-deċiżjoni ma tkunx ta’ fejda għalMalta.
Fl-isfond tal-maturità u r-rispett lejn ir-regolamenti li l-komunità inġenerali tal-kaċċaturi u n-nassaba qed tesprimi, l-Partit Laburista fil-Gvern jirrispetta dan kollu u jagħmel żgur illi jsiru ċertu reviżjonijiet fis-sistema ta’ multi u pieni biex dawn ikunu aktar realistiċi u jitħaddmu b’ mod amministrattiv, filwaqt li tinżamm il-gravita’ fil-każ ta’ reati gravi u / jew ripetuti.