“Id-drittijiet, il-privileġġi u l-interessi legali tal-minoranzi għandhom dejjem jiġu rispettati, inkluż ta’ dawk in-nies li kienu qed igawdu l-mużika waqt il-‘Glitch Festival’ fil-Buskett nhar l-Erbgħa filgħaxija.” Dan qalitu l-FKNK fi stqarrija.
Il-Federazzjoni Kaċċaturi Nassaba Konservazzjonisti kompliet tgħid li bl-għajta favur id-drittijiet tal-minoranzi, is-sena l-oħra rebħet l-ewwel referendum abrograttiv li qatt sar f’Malta. Iddissassoċjat ruħa mill-appell li sar permez ta’ stqarriji għall-istampa minn ċertu għaqdiet, sabiex jieqaf il-festival, għax dan seta’ jiddisturba qatgħa ta’ astuni suwed li nsertaw qed ipassu u forsi setgħu jistrieħu għal lejl ġewwa l-Buskett.
Il-FKNK, b’differenza minn għaqdiet oħra, temmen li barra l-abjad u l-iswed jeżisti l-kulur griż. Ma taqbilx li inċident iżolat għandu jservi ta’ preċedent biex immorru fl-oppost u nibdew nappellaw biex nabolixxu dik u l-oħra. Il-FKNK tifhem li s-sens kommun għandu jirrenja fuq dan kollu. Għalhekk huwa ukoll ħazin, li ċertu rapportaġġ li sar f’xi sezzjoni tal-midja ġġeneraliżat u qalet li l-kaċċaturi kollha qed jaqblu mall-istqarriji relatati li saru minn għaqdiet oħra.
Sadanitant, kompliet l-FKNK, hija nfurmata li l-astuni filfatt xorta qattaw il-lejl ġol-Buskett u komplew il-migrazzjoni tagħhom trankwilament l-għada filgħodu.