Il-Federazzjoni Kaċċaturi u Nassaba Konservazzjonisti (FKNK) issuġġerew lill-Gvern japplika moratorium fuq il-kaċċa tal-gamiem fir-rebbiegħa .
Dan jikkonferma dak li rrapportajna aktar kmieni, ċioe it-tħassib tal-FKNK għall-fatt li madwar l-Ewropa l-gamiema qed tkun meqjusa bħala speċi mhedda. Għalkemm in-numri li jinqabdu f’Malta jaf jidhru insinjifikanti fuq livell globali u Ewropew, fl-aħħar ġimgħat ma naqset xejn il-pressjoni fuq livell Ewropew fid-dawl li pajjiżna fetaħ ukoll l-istaġun tal-Kaċċa fir-Rebbiegħa.
Madwar id-dinja, mal-25 miljun gamiema jinqabdu fis-sena, filwaqt li hawn Malta jinqabdu biss 4,000. L-FKNK qed tinsisti li hija inutli li hawn Malta issr pressjoni, jekk pajjiżi Ewropej ma jaqdux id-dmirijiet tagħhom ukoll.
Waqt konferenza tal-aħbarijiet l-FKNK qalu li l-moratorium mhux xi ħaġa permanenti u jista’ jitneħħa fi kwalunkwe ħin. Il-Federazzjoni se tagħmel dak kollu possibbli ma’ entitajiet u xjentisti barranin sabiex turi li l-kaċċa tal-gamiem f’Malta hija sostenibbli. Qalet li tittama li stati membri Ewropej jaqdu d-dover tagħhom biex terġa’ tkun sabbilita l-popolazzjoni tal-gamiema fl-Ewropa.
REAZZJONI KAĊĊATURI SAN UBERTU
B’reazzjoni, l-kaċċaturi San Ubertu qalu li jaqblu mas-sejħa tal-FKNK sabiex il-Gvern iressaq moratorium volontarju fuq il-kaċċa tal-gamiem fir-rebbiegħa. Qalu li dan għandu jibqa’ fis-seħħ sakemm is-sostenibilità tal-kaċċa fuq din l-ispeċi tkun ipprovaata xejntifikament.
REAZZJONI BIRDLIFE
BirdLife Malta iddikjarat li hi tibbaża l-argumenti tagħha biss fuq il-fatti u skont hi, il-fatti xjentifiċi fil-każ tal-gamiema huma li din ġiet ikklassifikata bħala speċi vulnerabbli mill-Unjoni Internazzjonali għall- Konservazzjoni tan-Natura (IUCN) minħabba tnaqqis drastiku fil-popolazzjoni tagħha fl-aħħar snin.