Wara li l-Qorti laqgħet b’mod proviżorju l-mandat ta’ inibizzjoni li fetħet il-BirdLife, il-Federazzjoni Kaċċaturi, Nassaba u Konservazzjonisti ressqet rikors biex tkun tista’ tirrapreżenta lill-kaċċaturi.
Dan wara li l-BirdLife fetħet il-mandat biex twaqqaf l-istaġun tal-kaċċa fir-rebbiegħa fuq il-Gamiem.
Il-kawża ser tkun deċiża nhar it-Tlieta 19 ta’ April mill-Imħallef Audrey Demicoli.
B’hekk l-istaġun mhux ser jinfetaħ kif kien skedat, nhar il-Ħadd li ġej.
Fi stqarrija, l-FKNK stqarret kif ser tkun qed taġġorna lil kaċċaturi b’kull żvilupp.
Permezz ta’ kitba fuq Facebook, il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri tenna l-impenn tal-Gvern biex dan il-mandat jinstema’ b’urġenza u qabel id-19 ta’ April b’rikors li għamel permezz tal-Avukat tal-Istat.