Il-Federazzjoni Kaċċaturi Nassaba Konservazzjonisti, l-FKNK ressqet protest ġudizzjarju kontra l-għaqda Bird Life Malta.
Fi stqarrija l-FKNK qalet li għamlet dan fil-Qorti wara li l-Bird Life preżentat protest ġudizzjarju kontra l-Gvern u l-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi, l-ERA fost oħrajn, biex tiġi revokata l-liġi li tippermetti lill-Gvern Malti japplika deroga għall-ftuħ tal-istaġun tal-insib bi skop ta’ riċerka.
L-FKNK qalet li ironikament il-Bird Life qegħda toġġezjona għall-proġett ta’ riċerka meta l-istess għaqda tilqa’ fi ħdanha mal-għoxrin bird-ringer, li matul s-sena jużaw l-istess metodi indikati fil-liġi li biha l-Gvern jista’ japplika deroga għall-qbid tal-għasafar għal skop ta’ riċerka.
Ilbieraħ ONE News irrapporta li l-Gvern se jkun qed jiġġieled il-pożizzjoni tiegħu wara li l-Kummissjoni Ewropea se tressaq lil Malta quddiem il-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja dwar il-ftuħ tal-istaġun tal-insib għal skop ta’ riċerka.