Meta wieħed jisma’ l-kelma kaċċatur, dlonk jaħseb dwar il-kaċċa iżda l-ħidma ta’ kaċċatur fir-realtá tmur lil hinn minn hekk.
Dan hekk kif għal snin twal, xahar wara ieħor, bosta voluntiera li huma wkoll kaċċaturi li jagħmlu parti mill-Federazzjoni Kaċċaturi Nassaba Konservazzjonisti, l-FKNK, iqattgħu l-għodwa tagħhom inaddfu l-ħmieġ li jħalli ħaddieħor, jieħdu ħsieb siġar, iħawlu siġar indiġeni u anke saħansitra jibnu mill-ġdid ħitani tas-sejjieħ.
Tim ta’ ONE News żar l-Aħrax tal-Mellieħa fejn madwar sittin voluntier kienu għaddejjin b’ħidma jiġbru l-iskart li sfortunatament intrema minn bosta li kienu fiż-żona.
Tkellimna ma’ Toni Fenech, Segretarju tal-Għaqda Kaċċaturi Nassaba Konservazzjonijisti tal-Mellieħa, fejn spjega x’tinvoli l-ħidma tagħhom fosthom it-tindif ta’ skart li jħallu warajhom min jikkampja u anke jżur fiż-żona iżda mhux biss.
Spjega, “Kull nhar ta’ Tlieta issa qed nagħmlu t-tisqija tas-siġar fejn anke għamilna sistemi ta’ irrigazzjoni kif qed naraw anke mma anke għandna siġar li nisquhom bl-idejn għax dan l-aħħar snin naqset ix-xita u anke siġar li qatt ma ħadna ħsieb, qed nieħdu ħsiebhom. Barra minn hekk nibnu ħitani tas-sejjieħ, inħawlu u anke niżbru s-siġar li jkunu mat-triq u anke dawk li jkollhom bżonn żbir minn taħt.”
Spjega kif minkejja li ta’ kull ġimgħa jnaddfu ż-żona u anke jieħdu ħsiebha, xorta waħda l-ħmieġ jibqa’ jintrema minn sufanijiet għal oġġetti oħrajn.
Qal, “Sfortunatament skart insibu minn kollox. Tibda minn fridges, cookers, sufani sa affarijiet tal-ikel, bottijiet tal-birra. Insibu sfortunatament minn kollox, anke nsibu fdalijiet tal-annimali jiġu jintremew hawnhekk, affarijiet li ma jitwemmnux.”
Fenech qal kif nirien fil-miftuħ jispiċċa anke jikkawża ħsara lis-siġar tal-madwar, tant li jinxfu u jispiċċaw imutu.
Fenech appella lil kull min iżur postijiet bħall-Aħrax tal-Mellieħa, biex mhux biss inaddaf warajh iżda anke jieħu ħsieb tal-ambjent biex b’hekk jitgawda mill-ġenerazzjonijiet futuri.
Stqarr, “Il-motto tagħna huwa – ejjew ingawduh u nieħdu ħsiebu flimkien. Mela ingawduh flimkien mal-pubbliku, iżda anke nieħdu ħsiebu wkoll flimkien, il-pubbliku magħna. Aħna mhux qed nippretendu li l-pubbliku jsaqqi magħna, jekk irid merħba bih iżda li meta jiġi hawn, iħalli l-post kif isibu.”
Spjega kif il-ħidma tal-FKNK tinvolvi wkoll li toħloq aktar għarfien proprju dwar dan u kif tixtieq li l-pubbliku jikkopera billi sempliċiment inaddaf warajh u jieħu ħsieb iż-żona li juża.
Bħala parti mill-FKNK hemm żewġ sotto-kumitati, dak tal-Miżieb u tal-Mellieħa, li l-ħidma tagħhom tirrifletti proprju kif nafu ż-żoni llum il-ġurnata – żoni li jistgħu jitgawdew minn kulħadd.