Il-Federazzjoni Kaċċaturi Nassaba Konservazzjonisti, l-FKNK, organizzat tasting menu ta’ ikel li joriġina mill-kaċċa b’riċetti bbażati fuq il-ktieb ‘Game Recipes from Malta’.
Fi stqarrija tal-FKNK intqal li din il-pubblikazzjoni, li hi unika fix-xorta tagħha fil-gżejjer Maltin, tinkludi riċetti antiki xi wħud li qatt ma ġew ippubblikati u oħrajn minn uħud mill-aqwa chefs fil-pajjiż.
Din l-attività saret bħala parti minn ‘Game Meat Week’ taħt l-awspiċi tal-Federazzjoni Ewropea tal-Kaċċa u Konservazzjoni. Din il-ġimgħa ssir madwar l-Ewropa kollha bħala ċelebrazzjoni ta’ wirt kulturali u prattiċi ta’ kaċċa sostenibbli.
Il-President tal-FKNK, Lucas Micallef, radd ħajr lil dawk kollha li attendew għal dan l-avveniment u tkellem dwar il-ħsieb wara din il-pubblikazzjoni.
“L-ikel huwa lingwa universali, li tgħeleb il-fruntieri, il-kulturi, u l-ilsna. Ilkoll nafu li t-tradizzjonijiet, il-valuri, u l-wirt ta’ kull reġjun jistgħu jidhru fl-aspett kulinari ta’ kull pajjiż, tant li nfitxuhom anke meta nsiefru, u billi naqsmu dawn, nifhmu aħjar lil xulxin.”
Il-President tal-FKNK, Lucas Micallef