L-għada tal-pubblikazzjoni tar-rapport tal-MONEYVAL, l-Aġenzija Maltija kontra l-ħasil tal-flus, l-FIAU qalet li sa Marzu li għadda wettqet 90 fil-mija tar-rakkomandazzjonijiet li sarulha bħala parti mill-pjan ta’ azzjoni tal-Unjoni Bankarja Ewropea biex issaħħaħ il-ġlieda tagħha kontra l-ħasil tal-flus l-iffinanzjar tat-terroriżmu.
Fi stqarrija, l-FIAU qal li r-rapport jirrikonoxxi l-progress li nkiseb kemm mill-MONEYVAL u kemm mill-Kummissjoni Ewropea fir-rapport li ħarġet f’Ġunju li għadda.
Żiedet tgħid li r-rapport tal-MONEYVAL jirriaferma li l-uffiċjal tagħha dejjem wettqu dmirijiethom b’mod ħieles, b’oġġettività u mingħajr indħil.
Żied jingħad li l-esperti tal-MONEYVAL faħħru l-kwalità tal-aġenzija u l-koperazzjoni li wriet ma’ entitajiet internazzjonali.
Ir-rapport jirrikonoxxi wkoll it-trasparenza u l-koperazzjoni tal-aġenzija mas-settur privat. Żiedet tgħid li l-aġenzija diġà għandha pjan ta’ azzjoni ddettaljat biex tindirizza r-rakkomandazzjonijiet kollha tal-MONEYVAL.
L-aġenzija żiedet tgħid li l-isforzi li qegdin isiru huma kkumplimentati minn pajn ta’ ristrutturar maqbul mal-Gvern is-sena li għaddiet li se jara l-għadd ta’ uffiċjali jiżdied għal 138 flimkien ma’ investiment f’diversi għodod teknoloġiċi biex iżżid l-effiċjenza.
L-istqarrija kwotat lid-Direttur tal-FIAU Kenneth Farrugia jgħid li japprezza l-kummenti pożittivi fir-rapport u tenna l-impenn tal-aġenzija biex tkompli b’impenn tagħha li timplimenta r-rakkomandazzjonijiet pendenti tal-MONEYVAL.
Żied jgħid li dawn l-isforzi għandhom l-għan li jagħmlu l-FIAU aġenzija aktar effettiva fil-ġlieda tagħha kontra l-ħasil tal-flus u l-iffinanzjar tat-terroriżmu.