Fl-2023, it-taqsima kontra r-reati finanzjarji, l-FIAU, innotat żieda ta’ 5% f’rapporti dwar transazzjonijiet suspettużi. Dan joħroġ mir-rapport annwali tal-istess entità għas-sena l-oħra, hekk kif b’kollox iddaħħlu għandha 9,157 rapport meta mqabbel mat-8,740 rapport fl-2022.
Joħroġ ukoll kif is-settur tal-gaming b’mod remot, jibqa’ l-aktar settur li minnu joħorġu tali rapporti.
Minbarra hekk, b’kollox fl-2023, saru 138 intervent ta’ superviżjoni, filwaqt li fl-2024 diġà saru 146 intervent. Il-maġġoranza tagħhom huma interventi tematiċi, filwaqt li numru sostanzjali minnhom huma interventi li għandhom mira speċifika.
Dwar dan u aktar ONE News tkellem mad-Direttur tal-FIAU, Alfred Zammit.
Qal, “Għamilna ħafna xogħol anke biex inkomplu ngħarrfu lill-entitajiet hawn Malta kif għandhom jimplimentaw il-kontrolli tagħhom. Fil-fatt is-sena li għaddiet ipparteċipajna f’aktar minn 60 event hawn Malta fejn morna nagħtu training u wkoll ippubblikajna disa’ dokumenti fil-websajt tagħna biex inkomplu nassistu lill-entitajiet hawn Malta biex jifhmu kif għandhom jimplimentaw il-kontrolli tagħhom.”
In-numru ta’ rapporti dwar transazzjonijiet ta’ flus kontanti ta’ €10,000 jew aktar ukoll komplew jiżdiedu. Dan hekk kif, fl-2023, ir-rapporti telgħu għal 86 meta mqabbel ma’ 30 fl-2022. Il-maġġoranza tar-rapporti, jiġifieri 45%, kellhom x’jaqsmu mal-bejgħ ta’ vetturi, filwaqt li 29% kellhom x’jaqsmu ma’ bejgħ ta’ proprjetà.
Sadanittant staqsejna wkoll lil Zammit dwar il-kwistjoni fil-Qorti Kostituzzjonali b’rabta mal-multi amministrattivi li qed toħroġ l-FIAU, hekk kif dawn għal numru ta’ drabi issa ġew deskritti bħala multi li jmorru kontra l-istess Kostituzzjoni.
Zammit spjega li l-FIAU bħalissa qed tistenna sentenza mill-Qorti Kostituzzjonali, li mistennija tingħata f’Novembru li ġej, madankollu xorta mhux qed jieqaf hawnhekk.
Qal, “Għamilna r-riċerka tagħna biex anke naraw pajjiżi oħrajn x’qegħdin jagħmlu u, fl-aħħar mill-aħħar, naħdmu flimkien biex jekk għandna bżonn inbiddlu xi ħaġa hawn Malta, inbiddlu xi ħaġa hawn Malta. Fl-istess ħin, l-FIAU anke qed tikkollabora ma’ bord apposta, li ġie mwaqqaf biex issir anke riċerka fuq livell nazzjonali fuq dawn is-sentenzi li għandna fil-Qorti bħalissa.”