L-Aġenzija Maltija kontra l-Ħasil tal-Flus, l-FIAU, immultat lill-Bank of Valletta multa ta’ €2.6 miljun.
Dan wara li l-istess Bank naqas milli jirraporta informazzjoni dwar Sidien Benefiċċjarji għal 2,442 klijent korporattiv fir-Reġistru tal-Kont tal-Bank Ċentrali li jirrapurtaw lill-FIAU.
Fi stqarrija l-Bank spjega li 1,144 mill-2,442 klijent korporattiv kienu jinkludu 492 li ġew mneħija, f’xoljiment jew korporazzjonijiet inattivi, 556 klijent korporattiv li jeħtieġu reviżjoni tal-informazzjoni u dokumentazzjoni tad-diliġenza dovuta tal-klijent li wħud minnhom kienu jinkludu entitajiet bi struttura korporattiva li kienet tinkludi entitajiet barranin u 96 ditta legali.
Madankollu żied jingħad li l-ebda mill-kontijiet affettwati ma kien hemm suġġeriment dwarhom li jinvolvi ħasil ta’ flus jew finanzjament tat-terroriżmu.
Il-Bank żied jgħid li ħa azzjoni immedjata u kkollabora mal-FIAU b’mod sħiħ u trasparenti. Dan filwaqt li qed ikompli jinvesti bil-kbir fi programm ta’ trasformazzjoni u llum huwa kapaċi jiġġieled il-kriminalità finanzjarja b’mod ferm aktar effettiv u sostenibbli fuq medda twila ta’ żmien.