Il-Financial Intelligence Analysis Unit ċaħdet stqarrijiet ta’ David Casa, MEP tal-PN, li hemm xi rapport konklussiv dwar il-Ministru Konrad Mizzi. “L-FIAU tikkundanna din l-istqarrija irresponsabbli li hija gidba u maħsuba biex tagħmel il-ħsara,” qalet fi stqarrija. Għal darb oħra l-FIAU qalet li ma kien hemm ebda rapport finali għax rapport finali jrid ikun għadda minn diversi proċessi. “Dan hu proċess li jieħu ż-żmien speċjalment meta jkun hemm bżonn koperazzjoni internazzjonali,” qalet l-FIAU.
L-FIAU fakkret li ma tistax tagħmel pubbliku ix-xogħol tagħha u lanqas tippubblika rapport minħabba li l-liġi ma tħallihiex tagħmel dan. Dan skont standards internazzjonali. Fakkret ukoll li l-pussess ta’ dokumenti tal-FIAU b’mod illegali hija offiża kriminali. Żiedet ukoll li jekk joħorġu dawn it-tip ta’ dokumenti jippreġudikaw l-investigazzjonijiet u jitfgħu riskju fuq il-ħaddiema ta’ din it-taqsima. Hawn reġgħet saħqet li stqarrijiet bħal ta’ Casa huma gravi, inkoretti u inġusti. U qalet li b’mod irresponsabbli hemm min qed jipprova jimmina l-kredibbiltà tagħha. Iktar kmieni il-Ministru Konrad Mizzi diġa’ ċaħad dawk li ddeskriva bħala stqarrijiet riċikali fil-konfront tiegħu.