Fit-tmexxija ta’ Capital One, il-kumpanija Olandiża investigata b’rabta ma’ ħasil ta’ flus, kien hemm Baltimore Fiduciary. Ta’ din tal-aħħar, il-Viċi-Kap tal-Partit Nazzjonalista, Beppe Fenech Adami, kien direttur.
Kien wara li tfaċċa ismu li l-investigazzjoni fuq Capital One b’rabta ma’ każ serju ta’ ħasil ta’ flus, li setgħu kienu ġejjin minn traffikar ta’ droga, waqfet.
Issa rriżulta li l-mod kif kienet qed titmexxa Baltimore Fiduciary kien diġa’ għokor l-għajn tal-FIAU, il-Financial Intelligence Unit.
Fl-2013, bejn wieħed u ieħor fl-istess żmien li l-investigazzjoni dwar Capital One kienet tpoġġiet fil-ġenb, l-FIAU kienet talbet lill-Awtorità Maltija għas-Servizzi Finanzjarji biex tinvestiga jekk Baltimore Fiduciary, fejn kien hemm Beppe Fenech Adami, kinetx konformi mal-liġijiet dwar it-trustees u jekk kelliex il-kontrolli u l-proċeduri biex tmexxi n-negozju skont il-liġi.
Il-korrispondenza bejn l-MFSA u Baltimore Fiduciary damet għaddejja snin, saħansitra anke wara li Fenech Adami rriżenja minn direttur fl-2014.
Bil-konklużjoni tkun li l-kumpanija Baltimore kellha diversi nuqqasijiet serji tal-kundizzjonijiet tal-liċenzja tagħha tant li l-MFSA wissiet li se tissospendi l-liċenzja. Biex anke jekk din l-analiżi kienet differenti mill-investigazzjoni tal-pulizija fuq Capital One joħroġ ċar li Fenech Admai kien direttur f’kumpanija li ftit li xejn kienet qed tħares li taqdi l-obbligi tagħha skont il-liġi.
Peró l-MFSA titkellem ukoll fuq Capital One li Baltimore Fiduciary kinet tmexxilha l-affarijiet f’Malta. Jirriżulta li għal erba’ snin sħaħ din il-kumpanija ma bagħtitx ir-rapport annwali tagħha.
Din l-inkjesta saret minn tliet eks Imħallfin wara li l-maltatoday kienet irrapportat f’Ottubru li investigazzjoni tal-pulizija dwar każ ta’ allegat ħasil ta’ flus waqfet wara li tfaċċa isem politically exposed person, li ma kien ħadd għajr Beppe Fenech Adami.
Fl-iktar konklużjoni qawwija tagħha l-inkjesta kkonfermat dan id-dettal u żiedet li ma tistax teskludi li kollox waqaf proprju għax tfaċċa isem il-Viċi-Kap tal-Partit Nazzjonalista.