Permezz ta’ stqarrija l-FIAU sostna li dejjem ħalla lill-uffiċjali tiegħu jagħmlu xogħolhom fil-libertà u fl-indipendenza li l-funzjoni tagħhom tinħtieg. Dan fid-dawl ta’ allegazzjonijiet li saru minn Jonathan Ferris eks investigatur tal-FIAU.
L-istqarrija sostniet li dawn l-insinwazzjonijiet jakkumulaw ma’ insinwazzjonijiet oħra li saru dan l-aħħar fil-media dwar kemm irriżenjaw impjegati mill-FIAU mill-2013 ’il quddiem u dan meta kulħadd jaf illi s-settur tal-impjiegi fis-servizzi finanzjarji huwa wieħed fejn hemm ħafna kompetizzjoni u fejn it-tluq ta’ impjegati għax isibu xogħol ieħor fis-settur isir b’rata pjuttost mgħaġġla.
L-FIAU qal li jasserixxi illi huwa dejjem qeda l-funzjonijiet tiegħu skont il-liġi u b’rettezza u li t- tmexxija tal-FIAU aġixxiet skont il-liġi u b’mod meqjus u responsabbli fl-aħjar interessi tal- organizzazzjoni u tas-soċjetà b’mod ġenerali fit-teħid tad-deċiżjonijiet tagħha.