- Tisħaq fuq ir-rispett, il-paċi u l-inklużjoni tat-tfal minn realtajiet differenti
L-eżempju li l-ġenerazzjonijiet adulti għandhom jagħtu lill-ulied kien ċentrali fil-messaġġ tal-President tar-Repubblika għal dawn iż-żminijiet ta’ festi.
Eżempju li għandu jkun mibni fuq il-ħtieġa għall-paċi u r-rispett li dan iż-żmien nisimgħu tant dwarhom.
“Huwa żmien ta’ opporunità li nsaħħu l-paċi. Paċi dejjiema tfisser li mhux biss nassiguraw li ma jkunx hemm vjolenza u ħsara lill-proxxmu tagħna. Iżda, li b’mod pożittiv u proattiv noħolqu opportunitajiet biex nitkellmu bejnietna, naħdmu biex nibnu relazzjonijiet b’saħħithom, insaħħu l-parteċipazzjoni demokratika u niżviluppaw kultura ta’ rispett lejn xulxin,” qalet il-President tar-Repubblika.
Il-President tenniet li matul dawn il-festi tal-Milied u l-ewwel tas-sena għandna nieħdu l-opportunità biex insaħħu r-rieda tagħna biex naħdmu flimkien ħalli nagħtu l-aqwa eżempju lil uliedna.
“Aħna l-ġenituri għandna dmir sagrosant li nagħtu eżempju bl-aqwa imġieba lill-uliedna u ż-żgħażagħ tagħna. Għax kif jgħid il-Malti, il-kelma tqanqal, iżda l-eżempju jkaxkar,” qalet Coleiro Preca.
Hi żiedet kif huwa kruċjali li naġixxu bl-iktar mod responsabbli speċjalment fil-preżenza tat-tfal u ż-żgħażagħ.
“Il-formazzjoni tagħhom hija dmir tagħna. U nkunu qed nonqsuhom bil-kbir jekk ma ngħarfux nerfgħu din ir-responsabbiltà. Jeħtieġ li naħdmu bla heda biex dan id-dmir inwettquh u l-valuri tar-rispett tal-għaqda u tal-paċi jiggwidaw ħajjitna u ħajjet uliedna. Kemm fi djarna, fil-postijiet tax-xogħol u fil-komunitajiet fejn ngħixu u f’pajjiżna,” tenniet Coleiro Preca li fakkret kif il-familja hija l-ewwel post fejn ikunu mrawwma t-tfal.
Hawn saħqet dwar ir-reponsabbiltà lejn tfal li jgħixu f’ċirkostanzi differenti jew diffiċli.
“F’pajjiżna irridu nammetti li għad għandna xi preġudizzji dwar sitwazzjonijiet ta’ familji li wħud minnha ma nqisuhomx familji tradizzjonali. Niltaqa’ ma’ tfal u żgħażagħ li jiftħu qalbhom miegħu u jgħiduli li ma jingħatawx ir-rispett u d-dinjita li jixirqilhom. Anzi wħud minnhom jgħiduli li jiġu bullied imwarrbin u saħansitra esklużi kemm fl-iskola kif ukoll fil-komunità,” żiedet il-President li semmiet lista ta’ tfal minn familji differenti li jiffaċjaw din iċ-ċirkostanza.
“Huwa dmir tagħna lkoll li dawn it-tfal u ż-żgħażagħ jingħataw l-istess rispett u imħabba li nippretendu għal uliedna. Għax dawn huma uliedna wkoll u parti integrali mis-soċjetà Maltija,” appellat il-President.
Avveniment importanti
Ma naqsitx referenza għall-Presidenza Maltija tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea. Avveniment deksritt minnha bħala wieħed importanti ħafna.
“Inħeġġiġkom biex kull wieħed u waħda minna bħala nazzjon wieħed nuru lill-popli tal-istati membri tal-Unjoni Ewropea u d-dinja li aħna poplu impenjat f’ħidma għall-paċi bejn il-popli. Inħeġġiġkom biex kull wieħed u waħda minna nuru li nħaddnu bis-serjetà il-valuri tal-għaqda, tal-ħbiberija u r-rispett,” qalet il-President li finalment reġgħet tkellmet dwar l-għaqda. “Ejjew ningħaqdu flimkien biex ngħamlu dan il-pajjiż aħjar. Fejn id-djalogu jieħu post id-diviżjoni. Fejn il-ħbiberija hija aqwa mill-mibegħda u fejn ir-rispett u l-paċi jirbħu fuq il-kunflitt.