L-ewwel ‘bank tal-ħwejjeġ’ jista’ jinsab fl-Imqabba iżda jidher li dan ir-reċipjent kbir se nsibuh ukoll f’lokalitajiet oħra, fosthom f’Ħaż Żebbuġ u Ħal Qormi. Dan il-bank huwa reċipjent kbir fi spazju pubbliku, li l-għan warajh huwa li ħwejjeġ li persuni jkunu jixtiequ jirriċklaw u jintbagħtu fejn ikunu apprezzati. Dan l-eżempju tajjeb jidher li ntgħoġob mill-Kunsilli Lokali.
F’kummenti ma’ one.com.mt is-Sindku ta’ Ħaż Żebbuġ, Sarah Agius, spjegatilna li wara ġabra ta’ ħwejjeġ li l-Kunsill għamel f’April li għadda, ir-rispons kien wieħed kbir. Agius fissret kif il-Kunsill ingħata din l-opportunita’ mill-kumpanija REFAB biex anke din il-lokalitá jkollha Clothing Bank. “Id-deċiżjoni kienet waħda faċli biex aħna ukoll tingħatalna l-opportunita’ biex iż-Żebbuġin ukoll ikollhom post fejn jidepożitaw il-ħwejjeġ li ma jibqgħux għall-użu tagħhom.” Dan il-Clothing Bank se jitpoġġa fejn il-premises tal-Kunsill Lokali.
Minn naħa l-oħra fil-kummenti tagħha s-Sindku ta’ Ħal Qormi, Rosianne Cutajar, spjegat li l-Kunsill Lokali ta’ Ħal Qormi dejjem kien minn ta’ quddiem biex iqajjem kuxjenza ambjentali permezz ta’ inizjattivi varji. Cutajar żiedet li Ħal Qormi hija lokalitá kbira u li temmen li l-Qriema jistgħu ikunu ta’ kontribut biex jagħmlu d-differenza. Dan wara li l-Kunsill dejjem ikollu konkorenza tajba meta jsir ġbir ta’ ħwejjeġ fuq l-inizjattiva tal-Kunsill. Dawn il-‘banek tal-ħwejjeġ’ se jsiru f’ ġnien Federico Maempel u ħdejn l-iskola primarja ta’ San Bastjan.