Il-Kummissjoni Elettorali tal-Partit Laburista ħabbret li, wara li l-Ħadd li għadda għalqu n-nomini għall-ħatriet fl-amministrazzjoni, it-Tlieta ressqet ir-rakkomandazzjonijiet tagħha lill-eżekuttiv nazzjonali għar-rwoli ta’ President, Viċi President, Segretarju Internazzjonali u Segretarju Organizzattiv u għat-tnax-il membru tal-istess eżekuttiv, li, min-naħa tiegħu, approvahom.
Dettalji fi stqarrija tal-Partit Laburista qalet li ġew aċċettati l-ismijiet ta’ Norma Saliba u Alex Sciberras għall-pożizzjoni ta’ President, Louis Gatt għal Viċi President, Georvin Bugeja u John Grech għal Segretarju Internazzjonali u William Lewis għall-pożizzjoni ta’ Segretarju Organizzattiv.
Fl-istess ħin, l-eżekuttiv approva n-nomina ta’ sebgħa u tletin kandidat għall-ħatra ta’ tnax-il membru ordinarju tiegħu.
Ma’ dawn, tefgħu n-nomina tagħhom ukoll il-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej u l-Kummerċ, Dr Ian Borg, għall-kariga ta’ Deputat Mexxej għall-Affarijiet tal-Parlament u l-Ewroparlamentari Dr Alex Agius Saliba għall-pożizzjoni ta’ Deputat Mexxej għall-Affarijiet tal-Partit.
Dawn, bħall-karigi ta’ Viċi President u Segretarju Organizzattiv, ma kinux ikkontestati minn kandidati oħrajn.