L-eżamijiet tal-MATSEC, l-O levels u l-A levels se jkunu qed isiru kif skedat.
Il-bord tal-MATSEC qal kif bħalissa għaddejjin preparazzjonijiet biex l-istudenti jkunu jistgħu jpoġġu għall-eżamijiet f’Ġunju u Lulju li ġej.
Dwar il-miżuri b’rabta mal-pandemija, il-bord tal-MATSEC saħaq kif waqt l-eżamijiet se jittieħdu l-protokolli kollha tal-Awtoritajiet tas-Saħħa għal dawk simili li kien hemm fis-sessjonijiet ta’ Settembru li għadda.
Intant, fil-Parlament il-Ministru għall-Edukazzjoni Justyne Caruana qalet kif il-Junior College se jkun qed jikkanċella l-eżamijiet għall-istudenti tal-ewwel sena, filwaqt li dawk fis-Sixth Form f’Għawdex se jkunu qed ipoġġu għall-eżamijiet tal-aħħar tas-sena skolastika f’Ġunju b’mod normali.
Dwar l-eżamijiet finali għall-istudenti tas-sekondarja, il-Ministru Caruana spjegat li bħalissa għaddejjin diskussjonijiet jekk dawn hux se jsiru jew le.