L-eżamijiet elettroniċi tal-Università ta’ Malta se jibdew jiġu offruti fil-kampus ta’ Għawdex mill-ewwel semestru tas-sena akkademika li jmiss, 2023/24.
Dan ħabbritu l-Università fi stqarrija, li fiha qalet li dan seħħ wara laqgħat li kellha mal-Ministeru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni, u mal-Ministeru għal Għawdex, flimkien mal-għaqda studenteska Gozo University Group.
Wara din id-deċiżjoni, l-Università kkjarifikat li l-eżamijiet b’mod elettroniku fil-kampus huwa proġett ġdid li żviluppa matul il-pandemija, meta l-eżamijiet saru b’mod remot minħabba s-sitwazzjoni.
Wara li l-pandemija stabbilizzat ruħha, l-Università ddeċidiet li tibda, gradwalment, tiżviluppa sistema ta’ eżamijiet elettroniċi fil-kampus, li jfisser li l-mod ta’ kif isiru l-eżamijiet tradizzjonali bil-kitba, fejn hemm il-ħtieġa, jinbidel kompletament. Dan għax l-eżamijiet elettroniċi jġibu magħhom ħtiġijiet ġodda infrastrutturali u amministrattivi kif ukoll dawk proċedurali.
L-Università qalet li dan huwa proġett pilota tal-Università li dwaru għad irid isir aktar xogħol. Fil-fatt, il-kmamar u s-swali tal-lekċers tal-Università qegħdin jiġu attrezzati bil-mezzi meħtieġa sabiex ikunu jistgħu jissapportjaw dawn it-tip ta’ eżamijiet. (
Il-pjan hu li l-Università tkompli, gradwalment, iżżid l-eżamijiet elettroniċi fil-kampus tal-Imsida. Fl-istess waqt, l-eżamijiet elettroniċi fil-kampus ta’ Għawdex se jiġu introdotti wkoll mis-sena akkademika li jmiss, wara li jkun inġabar biżżejjed għarfien neċessarju mill-proġett pilota li qiegħed isir f’Malta.