Uffiċjali rrappurtaw li filwaqt li bħalissa għaddejja investigazzjoni intensiva dwar id-deċiżjoni li ġiet iddikjarata l-liġi marzjali il-ġimgħa l-oħra, il-pulizija fil-Korea t’Isfel għamlu rejd fl-uffiċju tal-President Yoon Suk Yeol ilbieraħ filwaqt li wieħed mill-uffiċjali għolja tiegħu għamel attentat ta’ suwiċidju.
Dan ir-rejd jimmarka eskalazzjoni drammatika fl-indaġini kontra Yoon kif ukoll uffiċjali għolja tal-pulizija u l-militar wara li fit-3 ta’ Diċembru sorprendentament ġiet iddikjarata liġi marzjali li tefgħet lil dan il-pajjiż Ażjatiku fi kriżi kostituzzjonali.
Uffiċjal fil-Ministeru tal-Ġustizzja qal lil Parlament, li l-Ministru tad-Difiża ta’ dak iż-żmien, Kim Yong-hyun, ħabib intimu ta’ Yoon, ipprova jagħmel suwiċidju billi uża qmis u ħwejjeġ ta’ taħt fiċ-ċentru ta’ detenzjoni fejn kien qiegħed jinżamm wara l-arrest tiegħu nhar il-Ħadd. Huwa qed jinżamm taħt osservazzjoni għalkemm ħajtu mhix fil-periklu. Huwa kien irriżenja u għamel apoloġija għall-parti tiegħu fl-attwar tal-liġi marzjali li damet biss ftit sigħat, fejn iddikjara li r-responsabbiltà kienet tiegħu biss.
Il-President Yoon Suk Yeol jinsab taħt investigazzjoni u ma jistax iħalli l-pajjiż iżda ma ġiex arrestat u lanqas interrogat mill-awtoritajiet. Yoon, li ilu ma jidher fil-pubbliku minn nhar is-Sibt, ma kienx preżenti waqt ir-rejd fl-uffiċċju tiegħu. Il-pulizija irrifjutaw li jikkumentaw dwar dan.
Aktar kmieni ġie arrestat il-kap tal-pulizija nazzjonali Cho-Ji-ho akkużat li ordna lil pulizija sabiex jimpedixxu lill-membri parlamentari milli jidħlu fil-parlament.