Illum, il-Membru Malti tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri Leo Brincat għamel l-ewwel żjara uffiċjali tiegħu fl-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika fejn ġie milqugħ mill-Awditur Ġenerali Charles Deguara u d-Deputat Awditur Ġenerali Noel Camilleri.
Brincat appella biex jinstab mezz effettiv sabiex ir-Rapporti Speċjali tal-Qorti Ewropea jaslu għand l-entitajiet u d-dipartimenti tal-gvern ta’ kull stat membru, u dan indipendentament minn jekk jagħmlux referenza speċifika għall-pajjiżi individwali, biex b’hekk ikun qed jiżdied dejjem aktar il-valur miżjud tar-rapporti nfushom.
Dawn ikopru suġġetti varji li għandhom impatt fuq iċ-ċittadini Ewropej—mis-saħħa sal-edukazzjoni, il-problema tal-migrazzjoni u l-frodi mill-VAT, il-public procurement, il-klima u l-enerġija, kif ukoll is-sajd u l-iskema tal-Youth Guarantee, fost ħafna oħrajn.