Il-kumpanija Enemed ħabbret żieda ta’ erba’ ċentezmi fil-prezz tal-fuel. L-ewwel żieda f’bosta xhur minħabba ż-żidiet enormi fil-prezz internazzjoni taż-żejt li kien hemm fl-aħħar xhur.
Fil-fatt, minn tmiem Settembru sa tmiem Diċembru biss, il-prezz taż-żejt għola bi 32%.
B’dawn iż-żidiet il-prezz tal-petrol u d-diesel żdiedu għal €1.31 kull litru l-petrol u €1.18 kull litru d-diesel. Il-prezz tal-ePower ser ikun ta’ €1.46 kull litru u tal-kerosene ser ikun ta’ €1.18 kull litru.
Minn dan ix-xahar se jibda’ wkoll il-proċess biex il-prodott tad-Diesel jinbidel għal E-Diesel. Dan ifisser li d-diesel tradizzjonali mhux se jibqa jinbiegħ aktar mill-kumpanija Enemed u d-diesel il-ġdid huwa ta’ kwalita’ superjuri.
Intant, il-Ministeru fl-uffiċċju tal-Prim Ministru qal li l-prezz imħabbar illum se jibqa stabbli sal-aħħar ta’ Marzu li ġej. “B’differenza minn dak li kien jiġri taħt amministrazzjoni preċedenti meta l-prezzijiet kienu jinbidlu fl-aħħar ta’ kull xahar,” intqal fi stqarrija.
Fl-istess stqarrija ntqal li l-Gvern Malti se jibqa jaħdem biex l-impatt taż-żieda fil-prezz internazzjonali taż-żejt jibqa’ l-inqas possibli billi jassigura l-aħjar prezzijiet tal-fuel għal pajjiżna. Fil-fatt tul din il-leġislatura, il-prezzijiet tal-fuel raħsu 11-il darba.
Il-prezz tal-elettriku f’pajjiżna mhux ser jiġi affettwat miż-żidiet qawwija fil-prezz internazzjonali taż-żejt. Dan huwa dovut għall-pjan tal-enerġija li qed iwettaq dan il-Gvern biex pajjiżna jiġġenera l-elettriku mill-gass u ma jibqax dipendenti fuq il-heavy fuel oil.
Intant, statistika tal-Kummissjoni Ewropea tindika li kien f’Malta biss li fl-aħħar tliet xhur tas-sena li għaddiet il-prezzijiet tal-petrol u d-diesel baqgħu stabbli.
Bir-reviżjoni ta’ erba’ ċenteżmi pajjiżna se jibqa’ bi prezzijiet orħos mill-medja tal-Unjoni Ewropea.
Barra miż-żieda fil-prezz tal-fuel, fl-aħħar tliet xhur tas-sena li għaddiet kien hemm żieda fil-prezz tal-elettriku madwar l-Unjoni Ewropea.
Il-Harmonised Index of Consumer Prices (HICP) li jinġabar mill-Eurostat, jindika li l-prezz tal-elettriku tela’ b’medja ta’ 1.1% minn tmiem Settembru ’l hawn.
F’ċerti pajjiżi ż-żidiet kienu ferm ogħla. Pereżempju fi Spanja kien hemm żieda ta’ 9.7%, f’Ċipru ż-żieda kienet ta 2.4%, mentri fl-Isvezja seħħet żieda ta’ 6.6%.