Il-Ministru għall-Finanzi Edward Scicluna ta donazzjoni ta’ tlettax-il elf ewro lill-klabb tal-qdif tal-Universita ta’ Malta, sabiex jinxtraw l-ewwel żewġ dgħajjes.
Dawn il-flus ġejjin mill-fondi għall-kawżi ġusti.
Dan il-fond ser jgħin l-isport tal-qdif.
Il-President tal-klabb spjegat kif dan il-fond huwa kruċjali sabiex jippromwovi dan l-isport f’pajjiżna.
“Aim partikolari tagħna hija li nittrenjaw atleti biex eventwlament jirrapreżentaw lil Malta fuq livell internazzjonali. Permezz tad-dgħajjes jista’ jsir training aktar ħolistiku milli permezz ta’ rowing machines biss u hekk nistgħu anke ntejjgħu l-livell tal-atleti tagħna.” Stqarret il-President Rebekah Caruana.
Dawn iż-żewġ dgħajjes ingħataw l-isem ta’ Tessie u Temi.
Dan sabiex jiġu mfakkra Tessie Camilleri li hija l-ewwel studenta feminili li gradwat mill-Università ta’ Malta u Sir Temi Zammit li apparti li kien arkeologu fost oħrajn, kien anki rettur tal-Università.
Il-Ministru Scicluna qal li l-isport fost iż-żgħażagħ iqanqal l-interess.
“Il-fondi qegħdin hemmhekk mhux biss restawr ta’ postijiet imma għal inizzjattivi taż-żgħażagħ u hemmhekk nitlob liż-żgħażagħ biex japplikaw għal good causes fund basta jkollhom proġett interessanti li jgħinu u jimmotivawhom u jirnexxielhom iwettqu dan il-proġett li jkollhom f’moħħhom.” Saħaq il-Ministru Scicluna.
Min-naħa tiegħu r-rettur tal-Università, il-Professur Alfred Vella saħaq kif l-ogħla istituzzjoni edukattiva f’Malta tqis l-isport bħala dixxiplina akkademika u tagħtih l-importanza li jixraqlu.