Nhar it-Tlieta, 25 t’Ottubru, mistiedna miċ-Ċina u minn Malta ngħaqdu flimkien onlajn biex isegwu d-donazzjoni ta’ aktar minn 200 ktieb mingħand Jinling Library lil Malta Libraries.
Sar ukoll l-iffirmar tal-ewwel MOU fil-qasam tal-libreriji pubbliċi bejn iċ-Ċina u Malta. Din id-donazzjoni ta’ kotba timmarka t-twaqqif tal-ewwel ‘Window of Chinese Books’ fl-Ewropa u l-11-il programm tax-xorta tagħha madwar id-dinja mingħand Jinling Library ta’ Nanjing.
L-Eċċellenza Tiegħu Yu Dunhai, l-Ambaxxatur Ċiniż għal Malta u l- Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali Owen Bonniċi wasslu l-awguri tagħhom għal din il-kollaborazzjoni.
Dr Sharon Scicluna, Deputat Direttur tal-Ministeru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej u l-Kummerċ qalet illi l-iffirmar ta’ dan l-MOU huwa opportunità eċċellenti għall-kollaborazzjoni bejn iż-żewġ pajjiżi.
Xiang Jiao, Direttur ta’ Jinling Library spjega illi din il-librerija pubblika twaqqfet fl-1927 u għandha sfond qawwi ta’ wirt kulturali. Illum, din il-librerija hija mwaqqfa fuq madwar 40,000 metru kwadru. Din hija l-ewwel darba li dan il-programm ġie mniedi fl-Ewropa.
Margaret Bugeja, Deputata Librara għal-libreriji pubbliċi ta’ Malta, qalet illi l-kotba li rċevew f’din id-donazzjoni juru d-direzzjoni tad-diversifikazzjoni li qed issir biex tistagħna l-kollezzjoni tal-Librerija Pubblika Ċentrali għall-benefiċċju tal-komunitajiet differenti f’Malta.