Is-Sibt filgħodu bejn id-disgħa u nofsinhar fid-daħla taċ-Ċentru Nazzjonali Laburista, saret il-votazzjoni bikrija biex Daniel Micallef jiġi kkonfermat fil-kariga ta’ Deputat Mexxej għall-Affarijiet tal-Partit Laburista, wara li aktar kmieni dan ix-xahar tefa’ n-nomina tiegħu.
Tul dawn it-tliet sigħat ivvutaw numru ta’ delegati li rreġistraw biex jivvutaw kmieni.
Il-votazzjoni tkompli s-Sibt li ġej, ħamsa u għoxrin ta’ Lulju, u d-delegati li se jivvutaw għandhom jieħdu magħhom mezz ta’ identifikazzjoni biex jingħataw il-polza tal-vot u jeżerċitaw id-dritt tagħhom.
Is-Sibt li ġej, il-votazzjoni f’Malta se ssir fiċ-Ċentru Nazzjonali Laburista l-Ħamrun, u f’Għawdex fiċ-Ċentru Laburista tar-Rabat.
Joe Falzon, membru fil-Kummissjoni Elettorali tal-Partit Laburista, spjega li wara li tagħlaq il-votazzjoni, l-għadd tal-voti se jsir fiċ-Ċentru Nazzjonali Laburista fil-Ħamrun.
Huwa spjega: “Nantiċipaw li fi żmien nofs siegħa, tliet kwarti, peress li l-polza hija waħda sempliċi għall-aħħar, inkunu nistgħu malli bdejna bl-għadd tal-voti nkunu nistgħu noħorġu l-pożizzjoni li jkun f’dak li għandu x’jaqsam mar-riżultat.”
B’kollox, 762 delegat tal-Partit Laburista huma eliġibbli li jivvutaw.
Ir-riżultat uffiċjali se jitħabbar il-Ħadd filgħodu waqt il-Konferenza Ġenerali Straordinarja tal-Partit Laburista fir-Rialto f’Bormla.