L-ewwel żewġ gruppi ta’ Pulizija fir-rank ta’ Kuntistabbli u Surġent approvaw il-ftehim settorjali hekk kif preżentat mill-Gvern b’vot unanimu. Ħabbru dan il-‘Police Officers Union u l-‘Malta Police Association’ permezz ta’ stqarrija.
Dan sar hekk kif illejla saru l-ewwel żewġ laqgħat għall-Kuntistabbli u s-Surġenti, fejn iż-żewġ unions ippreżentaw il-ftehim li huma laħqu mal-Gvern fl-aħħar ġimgħat.
Il-laqgħat ikomplu nhar il-Ħamis u nhar il-Ġimgħa li ġej, fejn il-membri tal-‘Police Officers Union’ u l-‘Malta Police Association’ se rikomplu jivvutaw sabiex eventwalment jiġi approvat dan il-ftehim.
Dan hu l-ewwel ftehim settorjali li sar b’konsultazzjoni sħiħa mal-Unjins tal-Pulizija mwaqqfin fl-aħħar leġiżlatura, hekk kif l-aħħar ftehim settorjali sar fl-2012, meta dak iż-żmien kienu għadhom ma twaqqfux l-unjins.
Dan il-ftehim se jara lill-Uffiċjali tal-Pulizija għall-ewwel darba jibdew jaħdmu 40 siegħa flok 46 siegħa, filwaqt li jekk jaqbżu l-40 siegħa dawn se jibdew jitħallsu fuq bażi ta’ over-time. Din il-miżura awtomatikament se tgħolli l-valur finanzjarju ta’ kull siegħa xogħol tal-Pulizija, dan għal fatt li l-paga grossa fix-xahar issa ser tinqasam bejn inqas siegħat u għalhekk l-valur ta’ kull siegħa jgħolla.
Issa l-ballun huwa f’idejn il-kumplament tal-membri tal-Korp tal-Pulizija li għall-ewwel darba se japprovaw il-ftehim settorjali li se jara titjieb fil-kundizzjonijiet tax-xogħol.