B’investiment ta’ tliet mitt elf ewro, il-Korp tal-Pulizija ġie mgħammar bl-ewwel seba’ vetturi elettriċi li se jieħdu post vetturi tradizzjonali.
Din hija l-ewwel darba li l-Korp tal-Pulizija se jagħmlu użu minn vetturi elettriċi.
Primarjament, dawn il-vetturi se jintużaw mill-uffiċjali tal-Pulizija fil-Komunità, fil-lokalitajiet tar-Rabat, l-Imdina, Ħad-Dingli, l-Imtarfa, l-Imsida, il-Gżira u Ta’ Xbiex, Marsaskala u Raħal Ġdid. Dan biex jintlaħqu aktar komunitajiet u jsiru aktar rondi f’żoni meqjusa b’aktar sfidi.
Dawn il-vetturi se jintużaw ukoll mit-Taqsima tal-Laboratorju Forensiku, filwaqt li t-Taqsima tal-Klieb se tissaħħaħ b’erba’ vetturi ġodda.
L-aġenzija Komunità Malta tat mitt elf ewro lill-Korp tal-Pulizija biex tkopri parti mill-investiment.
Waqt l-inawgurazzjoni tal-vetturi elettriċi ġodda, il-Kummissarju tal-Pulizija, Angelo Gafà elenka kif fl-aħħar snin, il-Korp kien u għadu għaddej b’investiment bla preċedent.
“Għall-ewwel darba fil-Korp tal-Pulizija qed nintroduċu vetturi elettriċi. Naturalment il-Korp tal-Pulizija hija entità li topera erbgħa u għoxrin siegħa kuljum u ċertament li dawn il-vetturi ħa jkunu qed jikkontribwixxu għal soċjetà sigura flimkien mal-komunitajiet tagħna.”
Il-Ministru għall-Intern u s-Sigurtà, Byron Camilleri tenna l-impenn tal-Ministeru li jibqa’ jagħmel il-bidla lejn vetturi elettriċi li jniġġsu inqas u jkomplu jagħtu servizz biex il-komunitajiet ikunu aktar siguri.
“Kommessi li anki fid-Dipartiment u fl-entitajiet kollha li jaqgħu taħt dan il-Ministeru, nagħmlu l-qabża lejn electric cars jew karozzi li jħammġu inqas, filwaqt li nibqgħu nipprovdu l-aħjar u l-aqwa servizz lill-pubbliku ġenerali.”