L-ewwel vapur mgħobbi bil-qamħ, mill-bidu tal-kunflitt bejn l-Ukrajna u r-Russja, telaq mill-belt ta’ Odessa.
Uffiċjali Torok u Ukreni qalu li l-vapur telaq mill-port tan-Nofsinhar ta’ Odessa kmieni t-Tnejn filgħodu.
Il-vapur mistenni jitlaq mill-Ukrajna wara li f’Lulju, ġie ffirmat ftehim biex ir-Russja terġa’ tagħti aċċess għall-esportazzjoni tal-qamħ mill-Ukrajna, mill-Baħar l-Iswed.
Dan il-ftehim ġie ffirmat bejn l-Ukrajna u r-Russja fil-preżenza tal-President Tork, Recep Tayyip Erdogan, u s-Segretarju tan-Nazzjonijiet Uniti, Antonio Guterres.
Fi stqarrija maħruġa mill-uffiċjali Torok spjegaw li l-bastiment, li jtajjar il-bandiera ta’ Sierra Leone, se jittrakka fil-Lebanon.
L-uffiċjali Torok żiedu jgħidu li aktar bastimenti mgħobbija bil-merkanzija mistennija jitilqu mill-Ukrajna.