Wara l-kwistjoni li nqgħalet ftit tal-jiem ilu fejn operaturi okkupaw l-bajja kollha tal-Armier b’deckchairs u umbrelel, illum għadd ta’ persuni okkupaw l-istess bajja b’numru ta’ kampijiet.
Minkejja li dawn ma kinux operaturi, xorta waħda bħal ma ġara ftit tal-jiem ilu, ittieħdet azzjoni immedjata u l-istess persuni ġew avviċinati biex dawn il-kampijiet jitneħħew.
Kien propju ċ-Chairman tal-Awtorità għat-Turiżmu, Gavin Gulia li kkummenta wara li numru ta’ persuni ġibdu l-attenzjoni dwar dawn il-kampijiet fejn hu spjega li sfortunatament anke persuni jabbużaw, u dan għax ma jkunux jafu. Spjega li kif daħlet din l-informazzjoni l-istess persuni ġew avviċinati u l-istess kampijiet tneħħew.