Wara t-twaqqif f’Malta tal-kumpanija l-ġdida Eurowings Europe Ltd aktar kmieni din is-sena, din issa rċeviet iċ-Ċertifikat ta’ Operatur tal-Ajru (AOC) tagħha mid-Direttorat tal-Avjazzjoni Ċivili fi ħdan it-Transport Malta. L-ewwel titjira tal-Eurowings Europe, li hija sussidjarja tal-Lufthansa, hija skedata għat-3 ta’ Novembru 2022, u huwa ppjanat li l-kumpanija jkollha 20 ajruplan irreġistrat f’Malta sa April li ġej.
Dan ħabbru l-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura, u l-Proġetti Kapitali, Aaron Farrugia; flimkien mal-Kap Eżekuttiv tat-Transport Malta, il-Brigadier Jeffrey Curmi; id-Direttur tal-Avjazzjoni Ċivili, il-Kaptan Charles Pace; u d-Direttur Maniġerjali tal-Eurowings Europe Limited, Stefan Beveridge.
“Ninsabu sodisfatti issa li ngħatajna AOC għal-linja tal-ajru l-ġdida tagħna, il-Eurowings Europe Ltd. Dan ikompli jagħtina spinta ’l quddiem hekk kif qed inkomplu t-tkabbir tagħna fis-suq Ewropew,” qal id-Direttur Maniġerjali tal-kumpanija, Stefan Beveridge. “Il-ftuħ tagħna f’Malta se jgħinna nnaqqsu l-kumplessità għall-ħaddiema tagħna,li jinsabu f’diversi bażijiet madwar l-Ewropa. Barra minn hekk, il-qafas ekonomiku u regolatorju ta’ Malta se jippermettilna nidħlu fi swieq ġodda filwaqt li nkomplu nkunu kompetittivi fl-industrija tagħna.”
Il-Ministru Farrugia esprima s-sodisfazzjon tiegħu li din il-linja tal-ajru qed tikber u tirnexxi, flimkien mal-kumplament tal-industrija tal-avjazzjoni, li kompliet tissaħħaħ anke fi żminijiet ta’ sfidi kbar.