Bħalma jiġri kull sena, mijiet ta’ eluf ta’ persuni kienu fit-toroq ta’ diversi bliet ewlenin biex jimmarkaw il-Jum tal-Ewwel ta’ Mejju b’rallies u dimostrazzjonijiet.
Minkejja dan, bil-maqlub ta’ pajjiżna, fejn il-Ħamis waranofsinhar ġie ċċelebrat il-ġid li qed igawdi l-ħaddiem, bis-saħħa tal-politika għaqlija tal-Gvern Laburista, madwar l-Ewropa kollha l-ħaddiema ħarġu jipprotestaw, ħafna biex ikollhom ix-xogħol, waqt li oħrajn biex ikollhom titjib fil-pagi u l-kundizzjonijiet tax-xogħol.
Dan hekk kif is-sitwazzjoni ta’ diversi pajjiżi, inkluż ġganti ekonomiċi Ewropej, qed jaraw il-ġid nazzjonali tagħhom jinxtorob jew saħansitra jidħlu f’riċessjoni, bil-konsegwenza wkoll li qed inaqqru l-benefiċċji eżistenti, aħseb u ara kemm iżiduhom kif qed jiġri fostna.
F’Jum il-Ħaddiem fi Franza din is-sena aktar minn 10,000 persuna ħadu sehem f’rallies f’Pariġi, li ssejħu minn diversi unjins ewlenin, bl-għajta għal aktar protezzjoni għall-ħaddiema, żidiet fil-pagi u iżjed ugwaljanza.
Bosta esprimew ir-rabja tagħhom ukoll għar-riforma fil-pensjonijiet li ppropona l-President Emmanuel Macron.
Dawn il-protesti kienu wkoll vjolenti fejn mill-inqas 108 uffiċjali tal-pulizija spiċċaw midrubin, waqt li ġew arrestati mat-300 persuna wara li dimostranti bdew jitfgħu diversi oġġetti lejn il-forzi tal-ordni u kissru binjiet pubbliċi.
Il-pulizija wkoll kellha tuża l-gass tad-dmugħ biex tikkontrolla s-sitwazzjoni.
Fi Spanja, l-unjin Solidaridad organizzat rally f’żona fejn l-aktar jgħixu ħaddiema f’Madrid favur aktar drittijiet waqt li wkoll ikkritikaw lill-Gvern dwar il-blackout nazzjonali tat-Tnejn li għadda.
Sadanittant, l-unjins tradizzjonali UGT, l-Unjin Ġenerali tal-Ħaddiema, u s-CCOO, il-Kummissjoni tal-Ħaddiema, organizzaw rally fil-qalba tal-kapitali Spanjola fejn insistew li jitjiebu l-kundizzjonijiet tal-ħaddiema u jitnaqqsu s-sigħat tax-xogħol.
Fl-istess jum, eluf ta’ ħaddiema nġabru fiċ-ċentru ta’ Ateni fil-Greċja b’diversi unjins tal-ħaddiema jorganizza rally quddiem il-binja tal-parlament ixejru bnadar u jkantaw slogans kontra l-gvern.
Fost l-oħrajn, komplew jitolbu għal liġi li tiddetermina l-paga minima, miżuri kontra l-għoli tal-ħajja u l-problema tal-housing, aktar sigurtà fuq il-post tax-xogħol kif ukoll riformi fis-sistemi nazzjonali tal-edukazzjoni u s-saħħa.
Mijiet ta’ manifestazzjonijiet ukoll ġew organizzati minn unjins tal-ħaddiema u gruppi xellugin fil-Ġermanja fejn fost il-messaġġi kien hemm dak tad-dritt tal-istrajk.
Dan anke jekk, ħaddiema tas-servizz pubbliku u dawk tat-trasport strajkjaw kemm-il darba dwar il-pagi u l-kundizzjonijiet ħżiena tax-xogħol b’dawn l-azzjonijiet industrijali jħallu impatt negattiv fuq is-servizzi tas-saħħa, l-ivvjaġġar kollu, il-posta u t-tindif pubbliku, fost oħrajn.
Protesti oħrajn ikkundannaw il-vjolenza kontra n-nisa u l-komunità LGBTQ+.
Fl-Italja, il-Gvern ta’ Giorgia Meloni pprova juża l-Ewwel ta’ Mejju biex jikseb approvazzjoni għal miżuri li, skontu, se jżidu l-impjiegi u l-pagi billi ma jibqax jgħin lil min jinsab fil-faqar.
Dawn il-miżuri ta’ qtugħ ta’ benefiċċji soċjali u regoli laxki f’dawk li huma kuntratti qosra ta’ mpjiegi ġabu rabja u oppożizzjoni kbira.
Min-naħa l-oħra, protesti, fosthom f’Turin, eluf ta’ dimostranti mmarċjaw anke b’maskeruni tal-Prim Ministru.
Ma’ dawn, diversi protesti u manifestazzjonijiet oħrajn saru wkoll f’Istanbul, it-Turkija, fejn ġew arrestati mal-400 persuna, minkejja li l-akkwata ta’ Pjazza Taksim kienet ikkontrollata mill-pulizija tal-irvellijiet sa minn jiem qabel.