F’Għajnsielem Għawdex infetaħ spazju aċċessibbli għat-tfal kollha, anke dawk b’diżabilità. Dan se jservi ta’ niċċa sigura ta’ tagħlim, logħob u kreattività għal kull min iżur, u kien possibbli grazzi għal investiment ta’ mija u għoxrin elf ewro minn Fondi Ewropej.
Il-proġett tmexxa mill-Kunsill Lokali ta’ Għajnsielem, Birdlife, u l-Federazzjoni għad-Diżabilità.
Is-Sindku tal-lokal, Kevin Cauchi, spjega aktar karatteristiċi uniċi ta’ dan il-ġnien.
Huwa stqarr: “Fejn inti għandek spazju miftuħ fejn għandek l-aspett rikreattiv fejn wieħed jista’ jiġi u jistirieħ, il-aspett edukattiv fejn inti tista’ titgħallem fuq is-sigar ta’ pajjiżna, l-ixtieli endemiċi eċċ. Għandek wkoll Amphitheatre għat-tfal tal-iskola fejn jistgħu jiġu u jitgħallmu u għandek ukoll post fejn it-tfal jistgħu jilgħabu.”
Il-Ministru għal Għawdex, Clint Camilleri ddeskriva l-ispazju bħala wieħed inklussiv.
Huwa sostna: “Fejn l-aspett ambjentali u dak edukattiv u anke rikreazzjonali propju li se jkun hawn hawnhekk se jkun post totalment aċċessibbli anke għal persuni b’diżabbilità.”
Is-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej Stefan Zrinzo Azzopardi qal ukoll li l-proġett se jilħaq erba’ miri differenti.
Huwa tenna: “Se jkun qiegħed jilħaq erba’ miri. L-ewwel nett ta’ spazju miftuħ, it-tieni aspett huwa l-aspett ta’ tagħlim għaliex mhux biss se jkun ġnien imma se jkun opportunità ta’ tagħlim. L-opportunità wkoll li l-kunsill se jkun qed jaħdem ma’ għaqda mhux governattiva ambjentali u fuq kollox l-aspett ta’ inklużjoni.”
Dan il-proġett ġie ffinanzjat permezz tar-raba’ miżura tal-programm LEADER amministrata mill-fonazzjoni Gal Gozo.