Stħarriġ, li sar mill-Professur Vincent Marmarà dwar l-użu tal-lingwa nazzjonali, inġabar f’pubblikazzjoni, li għadha kemm tnediet waqt attività fl-Esplora fil-Kalkara, fl-okkażjoni tal-ewwel sena ħidma taċ-Ċentru tal-Ilsien Malti, li għandu l-għan li jsaħħaħ il-lingwa naturali tagħna u anke l-użu tajjeb tagħha.
Norma Saliba, il-Kap Eżekuttiv taċ-Ċentru, spjegat li qegħda ssir ħidma ma’ diversi entitajiet pubbliċi bil-għan li jinħolqu inizjattivi u proġetti biex jiġi użat b’mod korrett l-ilsien Malti f’materjal stampat u awdjoviżiv, avviżi, tabelli u sinjali pubbliċi, kif ukoll it-tagħlim tal-Malti lill-ħaddiema barranin.
Bħala parti minn dan, fl-istess okkażjoni ġew iffirmati ftehimiet ma’ ħames entitajiet – il-Kunsill Malti għall-Arti, l-Awtorità għall-Innovazzjoni Diġitali ta’ Malta, id-Dipartiment tal-Informazzjoni, l-Aġenzija għall-Vittmi tal-Kriminalità, Xjenza Malta u r-Residenza San Vinċenz de Paul.
Saliba kompliet li, f’din it-tieni sena, se jaħdmu fuq tliet aspetti ewlenin.
“Kampanja edukattiva mat-tfal, mal-ġenituri u mal-edukaturi biex iktar ikollhom mhux biss ħakma tajba tal-Malti, imma jkunu aktar esposti għall-ilsienna. It-tieni ikun hawn aktar għarfien u korsijiet tal-lingwa Maltija għall-ħaddiema tas-Servizz Pubbliku, kif ukoll għall-barranin li jgħixu f’Malta u jaħdmu f’entitajiet kemm pubbliċi kif ukoll privati. U t-tielet nixtieq ukoll li niftħu aktar l-opportunitajiet lix-xandara, bil-għan li dawn jużaw Malti korrett fuq it-televiżjoni, ir-radju u onlajn”.
Għal din il-konferenza, kien preżenti wkoll il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali, Owen Bonnici, li tenna li, bil-ħidma tiegħu, iċ-Ċentru tal-Ilsien Malti qed iżomm ħajja l-lingwa nazzjonali, anke biex tiġi aktar apprezzata fil-kuntest kulturali u edukattiv.
“Illum nimmarkaw sena minn mindu twieled iċ-Ċentru tal-ilsien Malti, fejn dan hu ċentru li għandu l-għan li joħloq għodod li jippriservaw il-lingwa Maltija u jkomplu jmexxuha ’l quddiem. Kellna l-opportunità li nħarsu ħarsa lejn l-inizjattivi li saru s-sena li għaddiet kif ukoll lejn ix-xogħol li se jsir fil-futur. Aħna rridu li nkomplu nsaħħu l-lingwa Maltija u dan isir billi jkun hemm xogħol importanti, li jmexxi din il-lingwa ’l quddiem.”