“Kull meta kien hemm sfida, il-poplu Malti dejjem b’xi mod ingħaqad u qam b’saħħa.”
Dan kien kliem il-President ta’ Malta Dr George Vella dwar il-poplu Malti u Għawdxi f’intervista esklussiva ma’ ONE News f’għeluq l-ewwel sena tiegħu bħala President ta’ Malta.
Kien propju fl-4 ta’ April tas-sena li għaddiet li l-President George nħatar bħala l-10 President tar-Repubblika.
Ġewwa l-Palazz ta’ San Anton il-President Vella qasam magħna l-ħsibijiet u l-esperjenzi tiegħu issa li għaddiet sena mill-Presidenza tiegħu.
Fost oħrajn jitkellem dwar l-avveniment sbieħ li l-iktar jibqgħu f’moħħu fosthom l-Istrina.
Il-President George Vella qalilna: “Taħt iċ-ċirkostanzi ħa ngħid li tellajna somma rekord mhux daqs kemm kienet ir-rekord assolut għax kien fuq is-seba’ miljuni drabi oħra imma f’dawk iċ-ċirkostanzi għaliha ma bdejtx nippretendi assolutament dik is-somma.”
Jitkellem ukoll dwar l-isfida tal-Coronavirus li ġabet għarkubtejha lid-dinja kollha.
Fil-fatt waqt l-intervista l-President jagħmel diversi appelli sabiex din is-sitwazzjoni terġa’ lura għan-normal kemm jista’ jkun malajr.
Huwa appella: “Nappella lil kulħadd biex jobdi l-ordnijiet għax dan mhux qed nagħmluh għalina. Qed nagħmlu dan is-sagrifiċċju li huwa sagrifiċċju u ma ngħidx li mhuwiex għall-ġid tagħna stess, għall-ġid tal-popolazzjoni kollha.”
U ma jonqosx ukoll jitkellem dwar kif il-ħajja Presidenzjali qalbet ta’ taħt fuq il-ħajja personali tiegħu.
Il-President stqarr: “Il-kelma li użajt hija tajba. Ta’ taħt fuq għax assolutament ma fadal xejn mill-privatezza u mill-mod kif kont ngħaddi l-ħajja d-dar.”
Dan u aktar fl-intervista li se tkun qed tixxandar b’mod sħiħ għada fis-7:00 ta’ filgħaxija fuq l-istazzjon ONE.