Kemm fis-snin passati, fil-mument, u anke fis-sena li ġejja, il-Gvern se jibqa’ jaħdem biex f’Malta u Għawdex ikollna soċjetà sigura.
Kien dan il-messaġġ ewlieni li ħareġ fil-Parlament, waqt li kienu qed jiġu diskussi l-estimi għall-Ministeru għall-Intern, is-Sigurta, ir-Riformi, u l-Ugwaljanza.
Il-Ministru Byron Camilleri spjega li din se tkun l-ewwel sena sħiħa f’ħafna u ħafna snin li matulha l-ħaddiema kollha tal-Korpi se jkunu qed jiġu kumpensati b’mod xieraq għal din il-ħidma kbira li jwettqu. Dan qed iseħħ wara l-investiment ta’ ’l-fuq minn 15-il miljun ewro fi ftehimiet kollettivi għall-kważi ħamest elef ħaddiem u l-familji tagħhom fis-snin riċenti.
Il-Ministru Camilleri qal li l-Budget għas-sena li ġejja jinkludi inizjattiva ġdida li, permezz tagħha, ħaddiema tal-korpi dixxiplinati jiġu kumpensati bi 23 fil-mija iżjed fil-pensjoni tas-servizz tagħhom wara li jkunu għamlu 4 snin addizzjonali fuq il-25 sena ta’ servizz.
Il-Ministru Camilleri qal li matul is-sena li ġejja se jiġi introdott ukoll il-kunċett ta’ pensjoni tas-servizz għal ħames snin lir-romol ta’ uffiċjali li jkunu ġew nieqsa waqt is-servizz tagħhom f’korp dixxiplinat.
Dwar l-immigrazzjoni irregolari, il-Ministru Camilleri qal li dan il-Gvern qed juri kemm ma kienx komdu bl-istatus quo fuq l-immigrazzjoni irregolari. Il-Ministru spjega li, biex ikollok proċess tal-ażil effiċjenti, tagħmel ġustizzja ma’ min ħaqqu, u tirritorna lil min għandux dritt ikun hawn, irid ikollok proċess mgħaġġel kemm jista’ jkun.
“Li jkollok sistema ta’ ażil effiċjenti, li allura naqqasna l-backlog. Ir-ritorn ta’ dawk il-persuni li m’għandhomx dritt għal ażil, li sfortunatament ikunu grupp kbir hafna. Is-sena l-oħra kellek rekord ta’ nies li ġew ritornati lejn il-pajjiż tal-oriġini tagħhom, u din is-sena anke għaliex il-wasliet kienu hafna inqas, illi allura kellek ukoll numru ta’ persuni li diġà telqu lejn il-pajjiż ta’ oriġini tagħhom għax m’għandhomx dritt għall-ażil.”
Min-naħa tagħha, is-Segretarju Parlamentari għar-Riformi u l-Ugwaljanza Rebecca Buttigieg
qalet li Malta tinsab fil-quċċata tal-klassifiċi internazzjonali bl-introduzzjoni ta’ liġijiet li huma favur l-ugwaljanza. Tkellmet ukoll dwar kif Malta saret l-ewwel Stat Ewropew li lleġiżla biex il-kannabis tkun tista’ tintuża għall-użu personali u titkabbar fid-dar.
“Nista nħabbar illum li, sa Frar li ġej, l-Awtorità għall-użu responsabbli tal-Kannabis se tkun f’pożizzjoni li tiftaħ l-applikazzjonijiet għal liċenzjar għal non profit organisations li minnhom membri reġistrati se jkunu jistgħu jixtru l-kannabis b’mod sigur biex b’hekk neqirdu t-traffikar.”
Il-membru parlamentari Carmelo Abela semma kif, matul din is-sena, tkompla r-rinnovament f’diversi għases, fosthom ta’ Marsaxlokk, taż-Żejtun, taż-Żurrieq, tal-Marsa, u ta’ San Pawl il-Baħar.
Id-deputat Laburista tkellem dwar kif, sa tmiem tmiem l-2023, kull belt u raħal Malti se jkun kopert bil-Pulizija tal-Komunità filwaqt li l-pajjiż jibvqa’ ntejbu fuq dawn l-istejjer ta’ suċċess.
“Għadna naraw metodi, u l-aħjar metodi, biex il-pulizija, l-ewwel nett, ikunu aktar preżenti fil-komunitajiet tagħna. Issa jekk hux community policing, jekk hux ħaġa jew oħra, inizjattivi tajbin li għadna jkollna. Imma l-iskop ewlieni għandu jkun li jkollna aktar preżenza tal-pulizija fil-komunitajiet tagħna.”