L-Istitut għall-Istudji Turistiċi, l-ITS, inawgura l-ewwel sena akkademika tal-Malta International School f’Shanghai, iċ-Ċina, bl-ewwel disgħa u tletin student. Dan isegwi ftehim ta’ kollaborazzjoni bejn l-ITS u s-Shanghai Industrial and Commercial Polytechnic, iffirmat is-sena l-oħra, biex inħoloq l-ewwel kampus edukattiv minn istituzzjoni edukattiva lokali barra minn xtutna.
L-istudenti se jibdew bl-istudji tagħhom bi programm ta’ sentejn f’Higher National Diploma, inkluż tal-lingwa Ingliża. Dawk l-istudenti li jilħqu l-istandards tal-programm se jkollhom l-opportunità li jkomplu bl-istudji tagħhom lejn baċellerat fil-kampus tal-ITS f’pajjiżna stess.
Dan hu kollu parti mill-istrateġija ta’ internazzjonalizzazzjoni kontinwa tal-ITS, imnedija fl-2015, li għandha l-għan li tagħti edukazzjoni u taħriġ ta’ klassi dinjija mhux biss lill-istudenti Maltin u Ewropej, iżda wkoll lil dawk f’pajjiżi terzi.
Il-Kap Eżekuttiv tal-ITS, Pierre Fenech, li attenda għall-ftuħ u l-inawgurazzjoni tal-Malta International School, flimkien mal-Ambaxxatur Malti għaċ-Ċina John Busuttil u l-Konslu Ġenerali Lisa Azzopardi, indirizza lill-ewwel studenti u awgura li tali ftehim ma’ istituzzjonijiet barranin jissoktaw fiż-żmien li ġej.
“Inħarsu ’l quddiem biex dawn il-kollaborazzjonijiet jibqgħu jiżdiedu u, eventwalment, naraw li l-istudenti, li bdew jittrenjaw magħna hawnhekk f’Shanghai, ikollhom il-possibbiltà wkoll li jkomplu jistudjaw magħna f’Malta.”
Stqarrija mill-ITS ikkwotat lill-Ministru Malti responsabbli mit-turiżmu Clayton Bartolo jgħid li din l-inawgurazzjoni timmarka pass importanti fl-impenn ta’ Malta li tipprovdi edukazzjoni turistika ta’ livell għoli fuq skala globali.
Tenna li, għaldaqstant, il-Gvern Malti hu kburi li qed jappoġġa inizjattivi simili li jsostnu r-reputazzjoni ta’ Malta bħala ċentru ta’ eċċellenza fit-taħriġ fit-turiżmu u l-ospitalità.