Il-Prim Ministru Joseph Muscat flimkien mal-Kabinett qal li l-ewwel riforma għas-sena d-dieħla se tkun dik ta’ rappreżentanza ekwa tal-ġeneru fil-Parlament.
Dr Muscat qal dan waqt il-bdil tal-awguri tradizzjonali tas-sena l-ġdida mal-President ta’ Malta Marie Louise Coleiro Preca.
Qal li l-Gvern se jimpenja ruħu li jkun hemm diskussjonijiet mal-Opożizzjoni biex naslu għal soluzzjoni. Qal li dan se jsir permezz ta’ green paper li se tistaqsi mistoqsijiet ċari f’dan ir-rigward.
Akkumpanjat minn bosta Ministri u Segretarji Parlamentari, il-Prim Ministru ta rendikont ta’ dak li sar matul is-sena u semma li l-prijoritajiet tal-Gvern kienet li jassigura li t-tkabbir ekonomiku jasal għand kulħadd. Dwar il-qasam tal-kera, Dr Muscat qal li fil-ġimgħat li ġejjin, il-gvern se jibda juri bil-fatti l-ħidma tiegħu f’dan il-qasam wara konsultazzjoni pubblika li saret dwar is-suq tal-kera.
Il-Prim Ministru temm id-diskors tiegħu billi ta ħajr lill-President ta’ Malta Marie Louise Coleiro Preca għall-Presidenza tagħha li ser tintemm matul is-sena d-dieħla.
Min-naħa tagħha l-President Marie Louise Coleiro Preca ferħet lill-Gvern tas-suċċessi kbar li kiseb pajjiżna fil-qasam ekonomiku. Hija qalet li l-gvern għandu jasisgura issa li ħadd ma jħossu anqas minn ħadd. Qalet kif f’pajjiżna għandna nibnu kultura ta’ solidarjeta soċjali flimkien.
Hija faħħret ukoll id-deċiżjoni tal-Gvern li jagħti l-voti liż-żgħażagħ ta’ 16-il sena, u rringrazzjat lill-Prim Ministru għal mod kif dejjem irreaġixxa għal krittika li ġieli għamlet.
F’iżjed skambji ta’ awgurji fil-palazz presidenzjali fil-Belt Valletta, il-President ta’ Malta laqgħet lill-Ispeaker Anġlu Farrugia flimkien ma’ delegazzjoni miż-żewġ naħat tal-kamra. Il-President widdbet lill-Membri Parlamentari għall-imġieba tagħhom għax qalet li mhux qed tkun waħda eżemplari. Hija appellat sabiex waqt is-seduti jkunu iżjed kawti għax inkella ser ikomplu jitilfu r-rispett.
L-ispeaker wera l-qbil tiegħu mall-President, iżda nnota li dan isir fi ftit seduti. Huwa ta rendikont tal-ħidma Parlamentari matul din is-sena li ddeskriva bħala waħda eċċezzjonali. Qal kif matul din is-sena l-Parlament għadda sitta u erbgħin liġi, iltaqa mija u għoxrin darba u kien hemm mija disa u erbgħin laqgħa tal-Kumitati.
abbar kif f’Jannar li ġej l-Ispikejrs kollha tal-pajjiżi tal-‘Commonwealth’ se jiltaqaw f’pajjiżna. F’laqgħa separata mal-ġudikatura, il-President ħeġġet lill-Imħallfin u l-Maġistrati biex jagħtu widen iżjed lit-tfal fix-xogħol tagħhom fil-qrati.
Dan għax qalet li t-tfal hemm bżonn jinstema l-leħen tagħhhom meta fost oħrajn il-ġudikatura tagħti s-sentenzi tagħha. Il-President faħħret il-fatt li issa hemm parita’ bejn in-nisa u l-irġiel fil-ġudikatura.
Min-naħa tiegħu l-Prim Imħallef Joseph Azzopardi rringrazzja lill-President li stqarr li kienet punt ta’ referenza għall-ġudikatura li sfortunatament għandha l-limiti tagħha ma’ minn tista’ tikkordina ċertu affarijiet.