Riċerkaturi Maltin issa jistgħu jibbenefikaw minn boroż ta’ studju akkademiċi offruti mill-Gvern biex iwettqu riċerka ta’ dottorat u post-dottorat fl-Istitut Universitarju Ewropew ta’ fama f’Firenze.
Bl-ewwel riċerkatur Malti b’borża ta’ studju f’livell ta’ dottorat huwa Matthias Ebejer.
Huwa ntgħazel mill-bord ta’ din l-università u qiegħed isegwi grad ta’ dottorat fir-riċerka bl-isem “Spiritwalità fil-Gwerra – Il-Kavallieri ta’ Malta 1530 sal-1798.
Ebejer stqarr li “Sens ta’ responsabbilità li tkun l-ewwel Malti, naf li oħrajn u nixtieq li oħrajn isegwu. Sens ta’ responsabbilita li ijmur tajjeb u fil-futur nixtieq li oħrajn isegwu f’dan il-programm”.
Imwaqqaf fl-1972 l-Istitut Universitarju Ewropew ta’ fama f’Firenze, għandu reputazzjoni bħala istituzzjoni akkademika internazzjonali.
Fl-istitut hemm erba’ dipartimenti – dipartiment tal-Ekonomija, Storja u Ċiviltà, Liġi, Politika u Xjenzi Soċjali.
Bħalissa hemm aktar minn 600 student, kollha fuq boroż ta’ studju minn 32 stat membru jistudjaw f’dan l-istitut.
L-Istitut Universitarju Ewropew huwa ffinanzjata permezz tal-ħlasijiet tas-sħubija tal-pajjiżi u permezz tal-finanzjament tal-Unjoni Ewropea.
Fi żjara li l-Ministru għall-affarijiet Barranin Carmelo Abela għamel f’dan l-istitut f’Firenze, huwa ddawwar madwar l-arkivji storiċi tal-Unjoni Ewropea li jinsabu f’dan l-istitut f’Villa Salvati.
Intwerew ukoll dokumenti storiċi fuq Malta li jmorru lura għall-1962. Żar ukoll il-librerija tal-istitut li tinkludi madwar nofs miljun volum f’oqsma speċjalizzati.
Il-Ministru Abela sostna li “Istituzzjoni importanti. Riċerkaturi u professjonisti jiġu u jiltaqgħu bejniethom. U rridu nagħtu din l-opportunità għar-riċerkaturi Maltin”.
Il-Ministru Carmelo Abela appella lir-riċerkaturi Maltin sabiex isegwu triq simili f’dan l-istitut li jipprovdi prospetti eċċezzjonali ta’ karriera.