Fl-ewwel reazzjoni tiegħu ftit mumenti wara li tħabbar ir-riżultat, il-kandidat Owen Bonnici stqarr li din kienet esperjenza li swiet ħafna lill-Partit Laburista għaliex kien hemm iżjed komunikazzjoni mad-delegati tal-Partit Laburista. Huwa rrimarka li t-turn out kien b’saħħtu u dawk li ma vvutawx kienu msiefra jew ma setgħux jinqalgħu minħabba raġunijiet ta’ saħħa.
Bonnici stqarr li se jkompli jwettaq id-doveri ministerjali tiegħu b’iżjed saħħa u wiegħed li se jagħmel ħiltu biex Gvern Laburista jerġa’ jkun b’saħħtu u jirbaħ rebħa elettrorali oħra. Awgura lil Chris Cardona, id-Deputat Mexxej il-ġdid tal-Partit Laburista, kull suċċess u wiegħdu li se jsibu warajh f’kull ċirkostanza.
Min-naħa tiegħu, Chris Cardona stqarr li dan huwa mument pjuttost emottiv. “Kemm Owen kif ukoll Stefan, tajna kelma lil xulxin. Wegħdna lil xulxin li se nkunu ta’ spalla għal dak elett.”
B’referenza għal Bonnici, Cardona qal li jinsab konvint li bħalma għamel dejjem qabel, se jkompli jkun protagonist fis-suċċessi ta’ dan il-Gvern. “Inti ksibt riżultati f’oqsma ta’ importanza għal dan il-pajjiż,” qal Cardona lil Bonnici
Id-deputat mexxej stqarr li l-Partit Laburista jrid ikompli jibni l-pontijiet mas-soċjetà inkluż mad-delegati Laburisti.
Irringrazzja lil Toni Abela, predeċessur tiegħu, u rrefera għalih bħala dik il-persuna li ispiratu għall-għerf li ta lill-partit. Irringrazzja wkoll lil Owen Bonnici u Stefan Zrinzo Azzopardi u ddeskriva l-kampanja bħala waħda matura.