L-aġenzija internazzjonali ta’ kreditu, Fitch Ratings ikkonfermat mill-ġdid ir-rating ta’ A+ bi prospetti stabbli għal pajjiżna.
Fir-rapport mill-esperti indipendenti ta’ Fitch innotaw kif is-sena l-oħra, l-ekonomija Maltija kibret b’rata b’saħħitha ta’ 5.6%. B’dan fisser li kienet darba u nofs akbar minn dak previst mill-istess Fitch, f’Settembru li għadda. Intqal ukoll li t-tkabbir ekonomiku Malti huwa aktar b’saħħtu minn dak irreġistrat fiż-Żona Ewro, li kien tkabbir minimu ta’ 0.4%.
“The economy expanded strongly by 5.6% in 2023, outpacing both our September forecast of 3.5% and eurozone growth of 0.4% by a significant margin.”
L-esperti internazzjonali u li ma jħarsu lejn wiċċ ħadd, bassru li l-ekonomija ta’ pajjiżna se tibqa’ tikber b’rata tajba ta’ madwar 4% fis-sentejn li ġejjin.
Fitch qalet ukoll li r-rata ta’ qgħad mistennija tibqa anqas minn dik li kellu pajjiżna qabel il-pandemija.
“Unemployment is forecast to average 2.8% over the forecast horizon, below the pre-pandemic rate of 4.1% in 2019.”
Dan ir-rapport tal-aġenzija ta’ kreditu internazzjonali jinnota wkoll l-intervent tal-Gvern biex inaqqas l-għoli tal-ħajja. Filwaqt li fakkru li l-Gvern għadu qed jinvesti ammont sostanzjali biex iżomm il-prezz tal-elettriku, fjuwil u gas stabbli, l-esperti internazzjonali semmgħu wkoll l-effett tal-iniżjattiva Stabbiltà.
Din l-iskema daħlet fis-seħħ mill-bidu ta’ Frar, li fiha aktar minn erba’ mitt prodott bi prezz stabbli wara ftehim bejn il-Gvern mal-importaturi u ma’ tal-ħwienet.
L-esperti nnotaw li l-effetti ta’ din l-iniżjattiva waslu għal tnaqqis fir-rata tal-inflazzjoni tal-oġġetti tal-ikel fi Frar. B’hekk huma qed ibassru li l-għoli tal-ħajja se jaqa’ taħt it-3% din is-sena u jersaq lejn 2% fis-snin ta’ wara.
Il-Fitch innota kif minkejja s-sostenn fiskali qawwi li qed jagħti l-Gvern, id-defiċit se jkompli jonqos. Dan filwaqt li l-piż tad-dejn se jibqa’ taħt is-60% tal-ġid nazzjonali.
L-aġenzija internazzjonali ta’ kreditu nnotat ukoll f’dan ir-rapport l-effettività u r-riformi li għamel il-Gvern fis-saltna tad-dritt.
B’rabta ma’ din l-aħbar pożittiva għall-ekonomija ta’ pajjiżna, f’kitba fuq il-midja soċjali, il-Prim Ministru Robert Abela nnota kif Fitch tatna A+, bl-inflazzjoni nieżla grazzi għas-sussidju tal-Gvern fil-prezzijiet tal-enerġija, il-fuels u bl-inizjattiva Stabbiltà. Dr Abela sostna li qed nagħmlu lill-pajjiżna aktar b’saħħtu.