Dalgħodu saret l-ewwel prova ġenerali għal Junior Eurovision Song Contest li qed jiġi organizzat f’pajjiżna.
Stajna naraw ftuħ impressjonanti fejn fih dehru uħud mill-isbaħ xeni ta’ pajjiżna, bir-rebbieħa tal-Junior Eurovision tas-sena l-oħra Destiny Chukunyere kantat parti mill-kanzunetta Not My Soul.
Il-parteċipanti kollha taw l-aħjar tagħhom f’din l-ewwel prova, b’uħud anki libsu l-ħwejjeġ li mistennija jidhru bihom għada wara nofsinhar.
Min-naħa tagħha Christina Magrin tat interpretazzjoni tajba u reġgħet dehret kunfidenti fuq il-palk. Hija tinsab waħidha wara li oriġinarjament kien pjanat li tkun akkumpanjata minn grupp ta’ żeffiena.
Magrin libset ħwejjeġ differenti u fit-tieni prova ġenerali tal-lum wara nofsinhar mistennija tilbes il-libsa propja li se tidher biha għada.
Intant is-sbatax-il pajjiż li qed jieħu sehem għandhom kartolina abbinata magħhom. L-ispettaklu mtella’ prinċipalment f’Dar il-Mediterran qed jingħaqad ukoll ma’ postijiet oħra madwar il-Belt Valletta.
Dalgħodu l-Ministru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali żar ir-rehearsals ta’ filgħodu fejn iltaqa’ mal-ħaddiema u l-crews.