L-ewwel proposta tal-Partit Nazzjonalista għall-kampanja elettorali tinkludi dejn ta’ nofs biljun ewro.
Dan ikkonfermah il-Kap Nazzjonalista Bernard Grech stess li f’konferenza tal-aħbarijiet stqarr kif ħames mitt miljun ewro ser ikunu misselfa.
Skont Grech dan il-biljun ewro ser ikun investit f’setturi ġodda għal pajjiżna.
Dan għalkemm il-maġġoranza assoluta tas-setturi imsemmija diġà jinsabu f’pajjiżna.
Colin Deguara: “Minn dan il-biljun ewro li semmejt, qiegħed nifhem sew li nofsu huwa għotja u nofsu diġa sar dejn?”
Bernard Grech: “Aħna qed ngħidu li għandek l-opportunità li tittapja fuq fondi fejn dawk il-fondi tkun tista’ tissellifhom.
Ġurnalisti oħra minn midja indipendenti wkoll kienu preokkupati bil-proposta ta’ Bernard Grech li tagħmel id-dejn.
Hawn qal, “Il-Partit Nazzjonalista ilu għal dawn l-aħħar xhur jikkritika l-Gvern fuq id-dejn li għamel tul dawn l-aħħar sentejn speċjalment tal-pandemija. Ma taħsibx li, kif ser tikkorda din in-nefqa ta’ biljun ewro aktar meta għamilt din il-kritika fuq id-dejn?”
ONE News staqsa wkoll jekk Gvern immexxi minn Bernard Grech hux lest jidħol garanti għal dawn il-biljun ewro fejn ma jaslux in-negozji, u b’hekk il-Gvern ikollu jħallas.
Iżda għal din il-mistoqsija Bernard Grech kien skomdu li jwieġeb u għażel li ma jikkalkulax il-ġurnalist ta’ ONE.
Saħansitra spiċċa jgħidlu li ma jridx ikellem lilu.
Colin Deguara: “Ser jagħti garanzija fuqhom il-Gvern jekk jogħġbok?”
Bernard Grech: “Colin mhux lilek. Agħti ċans li xi ħaddieħor jekk jogħġbok.”
U imbagħad f’suppost konferenza tal-aħbarijiet li fiha Bernard Grech ippreżenta proposti għall-familji, il-Kap għamel bħas-Segretarju Ġenerali tal-Partit li fl-ewwel rally minflok talab ħames mitt ewro mingħand kull familja.
Il-Kap Nazzjonalista stqarr, “Għalhekk għandna bżonn il-flus tiegħek.”
Sa issa l-Partit Nazzjonalista evidentament kien iżjed iffukat dwar kif ser jiġbor il-flus mingħand in-nies minflok kif ser jagħti u jsostni l-familji Maltin u Għawdxin jekk ikun fil-Gvern.